Il-pubbliku hu mħeġġeġ jinforma immedjatament lill-Awtorità Maltija għas-Saħħa u s-Sigurtà (OHSA) bi kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ sigurtà fil-post tax-xogħol. Dan kien l-appell tal-OHSA fi stqarrija wara r-ritratt żvelat ilbieraħ minn MaltaRightNow.com, li wera raġel jixxabbat fuq ċinta żgħira tas-swar mingħajr protezzjoni biex jimmarka siġra li eventwalment għandha tinqala’ mill-fili tas-swar.
Fl-istqarrija, l-OHSA qalet li min jara abbuż ta’ dan it-tip għandu jinforma lill-OHSA qabel ma jinforma lill-media biex l-Awtorità tieħu l-azzjonijiet meħtieġa mill-aktar fis. Fakkret kif anke min iħaddem għandu obbligi legali biex jara li l-impjegati tiegħu jobdu r-regolamenti ta’ saħħa u sigurtà. Hu importanti li min iħaddem jipprovdi l-materjal protettiv meħtieġ biex jipprevjeni kwalunkwe inċident, qalet l-OHSA.
Min-naħa tagħhom, kompliet tgħid l-OHSA, il-ħaddiema huma obbligati jikkoperaw mal-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddimhom biex ikun assigurat li ħajjithom u saħħithom ikunu protetti. B’hekk, ikunu qed jissalvagwardjaw ukoll ħajjet u saħħet dawk ta’ madwarhom.
Appell ukoll lill-ħaddiema li jaħdmu fil-kostruzzjoni, bl-OHSA tappella biex il-miżuri ta’ protezzjoni jkunu ppreparati qabel ma jibda x-xogħol. Dan jista’ jkun possibbli jekk il-klijent, il-kuntratturi, is-supervisors u l-ħaddiema nfushom jaħdmu flimkien.
Sadanittant, l-OHSA fl-ebda parti tal-istqarrija ma qalet jekk il-ħaddiem li deher fir-ritratt ippubblikat minn MaltaRightNow.com huwiex impjegat tal-Gvern jew ta’ xi kumpanija privata.
//= $special ?>