Lokali

Mara b’feriti gravi wara inċident fit-Telgħa t’Alla w Ommu

Mara ta’ 35 sena minn Birkirkara sofriet feriti gravi iżda mhux fil-periklu li titlef ħajjitha wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar fit-Telgħa ta’ Alla u Ommu, fin-Naxxar.

Minn informazzjoni li għandu dan l-istazzjon jirriżulta li l-mara, li kienet qed issuq vettura tat-tip Peugot fid-direzzjoni tan-Naxxar, ippruvat taqbeż żewġ trakkijiet iżda sabet ma’ wiċċha trakk ieħor li kien misjuq fid-direzzjoni opposta minn raġel ta’ 48 sena minn San Gwann.

Il-karozza misjuqa mill-mara ġarrbet ħsarat estensivi, filwaqt li t-trakk spiċċa fuq iċ-ċint ta’ mat-triq. Fil-post waslu l-Pulizija u Ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li ħarġu lill-mara mill-vettura. Tim mediku mill-Isptar Mater Dei taha l-ewwel għajnuna fil-post qabel ma ttieħdet l-Isptar permezz ta’ Ambulanza. Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.

Ritratt ta’ Maltese Roads Traffic Updates