Lokali Xjenza u Teknoloġija

‘Science in the City’: l-aqwa xjentisti u politiċi ta’ Malta taħt saqaf wieħed.

Bħala turija tal-impenn tagħhom li jrawmu x-xjenza u riċerka innovattiva, il-Kamra ta’ Malta tax-Xjentisti, il-Fond tar-Riċerka tal-Universita’ u l-konsorzju Science in the City ospitaw Xjenza fil-Kamra, attività prinċipali tal-festival ta’ kull sena li tressaq flimkien l-aqwa xjentisti u politiċi ta’ Malta taħt saqaf wieħed.

L-attività nżammet fil-Kamra tal-Kumitati tal-Kamra tar-Rappreżentanti fil-Palazz Presidenzjali, l-Belt Valletta, fejn kien hemm wirja ta’ posters li juru r-riċerka li saret fl-Universita’ ta’ Malta u bnadi oħra f’Malta. Qanqlet ħafna diskussjonijiet informali bejn il-Membri Parlamentari u x-Xjentisti.

B’kollox 13-il studju kienu ppreżentati f’forma ta’ posters dwar turiżmu sostenibbli fir-reġjun tal-Mediterran u meshing designs aħjar għat-tilqim tal-ġilda, għal fehim tas-sigrieti tal-Big Bang u l-misteri tal-marda motor neuron.

Id-Deputat Speaker, l-Onor ċensu Galea, inawgura l-attivita’, li kienet segwita minn diskorsi minn Professur Alex Felice, koordinatur tal-Proġett Science in the City u li hu wkoll Agent Chairman tal-Kamra ta’ Malta tax-Xjentisti; ir-Rettur tal-Universita’ ta’ Malta, il-Professur Juanito Camilleri, u l-whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Carmelo Abela.

Il-wirja “Science in the House” se tkun miftuħa għall-pubbliku il-Ġimgħa waqt Xjenza fil-Belt mis-6.00pm sal-10.00pm u nhar l-4 ta’ Ottubru waqt Notte Bianca. Tkun ukoll miftuħa għall-Membri Parlamentari fil-gimgħa ta’ bejn iż-żewġ dati.