Qorti

Somalu jammetti li pprova jisraq f’Tas-Sliema

Somalu ta’ 32 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li pprova jisraq raġel homeless Malti, li kien mimdud u rieqed fuq bank ġewwa Tas-Sliema. Il-vittma kien rieqed fuq bus stop nhar it-Tlieta li għaddew għall-ħabta tat-2.40 a.m. fi Triq it-Torri. Huwa ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor f’perjodu ta’ sentejn.

 
Abdi Ahmed Ali inqabad minn żewġ Pulizija li kienu qegħdin jagħmlu r-ronda f’Tas-Sliema, fejn dan beda jgerrfex fl-affarijiet personali tal-homeless. Il-Pulizija arrestaw lis-Somalu bil-vittma jqum mir-raqda li kien rieqed u mhux konxju x’kien qed jiġri.

 
Meta l-Malti kien infurmat b’kollox mill-Pulizija dwar dak li ġara huwa qallhom li l-baskett tiegħu kien infetaħ, iżda ma nsteraqlu xejn. Aktar minn hekk il-vittma qal li huwa kien qed jorqod fuq il-bus stop minħabba li jgħix f’garaxx fejn għandu biss aċċess għal ilma u elettriku.  Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Francis Sultana filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Ellis deher għas-Somalu .