Lokali

Aġġornata: Tlifna ħabib … David Chircop jitlef il-ġlieda kontra l-kanċer

Ftit wara s-7am tal-lum, il-kollega tagħna f’Media.Link Communications David Chircop tilef il-ġlieda kontra l-kanċer. David ħadem bħala cameraman u sa ftit ilu kien il-Kap tat-Taqsima tal-Operat ta’ Media.Link Communications. Hu miet fl-età ta’ 41 sena. David kien mill-Ħamrun iżda mar joqgħod il-Mosta.

Miżżewweg lil Beverly u għandhom żewġ ulied, Jacob ta’ 16-il sena u Matthea ta’ 14-il sena. David se jingħata l-Aħħar Tislima għada fit-3.30pm fil-Knisja Parrokjali tal-Mosta. Il-qraba qed jitolbu biex ma jintlibisx iswed, kif dejjem kienet ix-xewqa ta’ David.

MaltaRightNow.com u Media.Link Communications iwasslu l-kondoljanzi lill-qraba u l-ħbieb ta’ David Chircop. Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil, li bħalissa *jinsab jattendi għal laqgħat fi New York, sellem lil David Chircop bi tweet (ritratt isfel), li fih fakkar kemm kien ġentlom u raġel li ddedika ħinu għall-Partit u l-media li tant kien iħobb. Il-Kap tal-PN ukoll wassal il-kondoljanzi lill-qraba u l-ħbieb ta’ David. Anke l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ David, b’post fuq Facebook.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ukoll sellem lil David Chircop u sejjaħlu “eżempju ta’ professjonalità fil-qasam tal-ġurnaliżmu f’pajjizna”. Filwaqt li bagħat il-kondoljanzi lill-familja Chircop f’dan il-mument diffiċli, l-IĠM qal li David ra kif bil-ħidma tiegħu jimraħ lil hinn minn pajjiżna, b’xogħlijiet li fost oħrajn ħaduh fl-Albanija u fi Sri Lanka, fejn mil-lenti tiegħu wassal lit-telespetaturi Maltin u Għawdxin it-tbatijiet ta’ popli li esperjenzaw gwerer u diżastri naturali.

SB Tweet David Chircop