Iż-żewġ eks Kunsilliera ta’ Tas-Sliema Bobby Calì, ta’ 67 sena, u Martin Debono, ta’ 55 sena, ġew illiberati minn kull akkuża, bl-aktar waħda gravi tkun dik ta’ miżappropjazzjoni wara li żammew għandhom laptops tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema mingħajr awtorizzazzjoni u għamlu ħsara fuq l-istess laptops.
X’ħin ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li l-Prosekuzzjoni naqqset milli tipprova l-każ tagħha u mill-provi joħroġ li kemm Calì kif ukoll Debono baqgħu jsostnu li kellhom il-kompjuters fil-pussess tagħhom bl-approvazzjoni tas-Sindku ta’ dak iż-żmien Nikki Dimech. Huma kienu sostnew ukoll li l-laptops kienu għandhom biex jagħmlu xogħol mingħajr ħlas u relatat mal-Kunsill dwar proġetti li kienu involuti fihom.
Il-Qorti qalet li mill-provi joħroġ ċar li fil-Kunsill ta’ Tas-Sliema kien hemm atmosfera xejn feliċi ta’ suspetti u komplotti bejn il-Kunsilliera. Minn diversi recordings tal-laqgħat tal-Kunsill, irriżulta li mhux kulma kien qe jingħad kien qed jitniżżel fil-Minuti. Il-każ kien seħħ fl-2010 meta kienu ġew mixlijin li mmodifikaw tagħmir tal-kompjuter bi ħsara għal attività tal-Gvern, li għamlu ħsara fis-sistema tal-kompjuter u li żammew għandhom laptop għad-dannu tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.
Wara li l-Pulizija kienet ħarġet l-akkużi fil-konfront tagħhom, Calì u Debono kienu rriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Laburista rispettivament, li kienu Kunsilliera f’isimhom, iżda baqgħu Kunsilliera bħala Indipendenti.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li hemm provi kontrastanti jekk il-Kunsill kienx jaf li l-laptops kienu għand l-imputati. Madankollu, il-Qorti qalet li Christian Vella kien preżenti fil-laqgħa ta’ April 2010, fejn ġew approvati l-invoices għall-ħlas tagħhom. Il-Qorti qalet li għalhekk ma tistax tifhem kif wara ftit xhur, meta l-istess invoices reġgħu ġew diskussi mill-Kunsill, ix-xhud qal li ma kien jaf xejn dwarhom.
Min-naħa l-oħra, id-Deputat Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Anthea Borg qalet li kienet taf li Calì u Debono kellhom il-laptops fil-pussess tagħhom minħabba li kienu involuti fi proġetti tal-Kunsill.
Il-Qorti qalet li minkejja li mill-provi kien irriżulta li meta ġie approvat ix-xiri tal-laptops, dawn ma ġewx reġistrati fil-Kotba tal-Kunsill, jidher li x-xiri tagħhom mill-fondi tal-Kunsill u l-użu relattiv miż-żewġ imputati sar bl-approvazjzoni tal-Kunsill. Dan għax irriżulta li l-pagament għalihom ġie approvat mill-Kunsill innifsu. Qalet ukoll li għalkemm l-imputati ma kellhomx jaqilgħu l-hard drives meta ħadu l-laptops biex jiġu reġistrati, fil-fehma tagħha dan ma jikkostitwixxix reat ta’ approprjazzjoni.
Il-Qorti qalet li ma ġiex ippruvat li l-imputati għamlu użu differenti mil-laptops, minn dak speċifikat mill-Kunsill, kif ukoll li għamlu xi gwadann mill-użu. Jekk xejn, kien il-Kunsill li għamel gwadann għax il-laptops intużaw biex jaħdmu fuq proġetti tal-Kunsill, sostniet il-Qorti. Għaldaqstant, wara li qieset dan kollu, il-Qorti lliberat lil Calì u lil Debono minn kull akkuża.
Għalihom dehru l-Avukati Joe Giglio u Arthur Azzopardi.
//= $special ?>