Lokali

Beppe Fenech Adami jappella lin-nies bil-kanċer biex jagħmlu kuraġġ

Propju ftit ġimgħat qabel jagħmel operazzjoni kruċjali li fiha se jitneħħielu t-tumur li għandu fi spalltu, il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit Beppe Fenech Adami jappella lill-Maltin morda fil-kanċer biex jagħmlu kurraġġ u jħarsu ‘l quddiem lejn dik il-ġurnata li fiha jkunu jistgħu jirritornaw lura għall-ħajja normali tagħhom.

Dan l-appell Beppe Fenech Adami għamlu waqt intervsiat fuq Radio 101 dalgħodu.

Beppe Fenech Adami sellem lill-camerman David Chircop u qal li David kien bniedem li jħobb lill-familja. Waħda mir-raġunijiet li David għamel il-ġlieda kontra l-kanċer kienet propju għalll-familja u għaliex David kien iħobb il-ħajja.

Il-Viċi-Kap tal-PN qal li David Chircop kien impenjat f’xogħlu u kien dedikat għaliex kien iħobb ix-xogħol li kien jagħmel. David Chircop jibqa’ grat lejn dak li David wettaq fil-ħidma tiegħu f’NET TV, sostna Beppe Fenech Adami.

Dwar is-sitwazzjoni medika tiegħu Beppe Fenech Adami tkellem dwar il-kura li hu qed jieħu kontra l-kanċer u qal li fl-20 ta’ Ottubru se jkun operat biex jitneħħa t-tumur kollu u ma jibqa’ ebda traċċa tiegħu. S’issa irnexxieli nkampa tajjeb it-terapija li għaddej minnha, qal Fenech Adami, li kompla li wara l-operazzjoni hu se jkun qed jirkupra biex jirritorna fil-ħajja politika.

Meta tkellem dwar it-testijiet li kien għamel qabel kien stabbilit li għandu kanċer, Beppe Fenech Adami qal li tul dik il-ġimgħa rċieva wisq aħbarijiet ħżiena. Ħassejt li għandi obbligu lejn in-nies bħala persuna pubblika, qal Fenech Adami, li spjega kif kien propju dan li wasslu li jagħmel pubblika s-sitwazzjoni tiegħu.

Il-messaġġ tiegħi lil min għaddej mill-istess sitwazzjoni hu biex jibqgħu kalmi u sereni biex jiffaċċjaw is-sitwazzjoni bl-aħjar mod, qal Beppe Fenech Adami, li kompla li kull bniedem li għandu l-kanċer għandu jħares ‘l quddiem lejn dik il-ġurnata li jkun jista’ jerġa’ lua għax-xogħol.

Hu qal li staqsa wkoll il-mistoqsija jekk hux se joħroġ ġid billi l-istorja tiegħu ssir pubblika u spjega li dan il-fatt wassal biex hu kien ta’ kurraġġ għal persuni li għaddejjin mill-istess sitwazzjoni diffiċli. Beppe Fenech Adami qal li hu mportanti li s-soċjeta tkun konxja mill-kundizzjonijiet mediċi li jistgħu jiżviluppaw fil-persuna tagħhom.

Bis-saħħa ta’ tant għaqdiet volontarji l-pajjiż irnexxielu joħloq sistema ta’ solidarjeta, qal Fenech Adami, li spjega kif kieku ma kienx għal dawn l-organizzazzjonijiet is-sitwazzjoni kienet tkun diffiċli ferm. M’hawnx pajjiż ieħor fid-dinja li joffri din is-sosidarjeta, sostna Beppe Fenech Adami.