Il-Malti Keith Camilleri mhux se jieħu sehem fit-tellieqa fiċ-ċirkwit ta’ Monza li se ssir illum minħabba diffikultajiet finanzjari. Wara l-wirja pożittiva li kellu f’Vallelunga, Camilleri, sfortunatament mhux se jkun jista’ jkompli jibni fuq dik il-wirja.
Din mhux l-ewwel darba li Camilleri ma ħax sehem f’xi rawnd minn dawn il-Kampjonati. F’Awwissu ma kienx ħa sehem f’Magione. Fi stqarrija uffiċjali Camilleri esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li se jitlef is-sitt rawnd ta’ dawn il-kampjonati. “Ninsab diżappuntant li mhux se nikkompeti f’Monza imma kont qed nistenna li nitlef xi rawnds minn dan il-Kampjonat għax il-baġit tiegħu hu limitat. Issa se nagħmel minn kollox biex niġbor kemm jista’ jkun flus biex nikkompeti fl-aħħar rawnd f’Imola biex b’hekk niddefendi wkoll post għall-istaġun li ġej,” qal Camilleri fl-istqarrija.
L-istess Camilleri irringrazzja lill-isponsors u lill-famlja tiegħu li għamlu minn kollox fi spazju ta’ ftit ħin biex jipprovdulu l-flus li bihom seta’ jikkompeti għall-ewwel darba fil-Formula 4.
Intant, sieħeb Camilleri, Zachery Dante mhux se jkun qed jikkompeti f’Monza minħabba injury li kien sofra f’Vallelunga. B’hekk, jirrappreżentaw lill-Malta Formula Racing f’Monza se jkunu Mattia Drudi, Giovanni Altoe u Raghunathan Mahaveer. It-tellieqa f’Monza, li se tixxandar fuq TVM2 se tibda fit-3.30pm.
//= $special ?>

