L-Istati Uniti se tkompli tgħin lil Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni permezz ta’ resettlement (rilokazzjoni) ta’ numru ta’ immigranti li jaslu Malta. F’dawn l-aħħar snin l-Istatu Uniti diġa ħadet mal-elfejn persuna minn Malta sabiex jibdew ħajja ġdida fil-kontinent Amerikan.
Dan ħareg minn laqgħa li l-Kap tal-Oppozizzjoni, Simon Busuttil, kellu ma’ uffiċċjali Amerikani fid-Dipartiment tal-Istat (Department of State) responsabbli mill-programm Amerikan ta’ Resettlement.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li kull sena l-Istati Uniti taċċetta madwar sebgħin elf (70,000) refuġjat minn pajjiżi differenti minn madwar id-dinja, u minn ħames snin ilu ‘l hawn bdiet taċċetta wkoll mal-500 refuġjat fis-sena li jkunu waslu u ngħataw protezzjoni f’Malta. Dan sabiex titnaqqas il-pressjoni minn fuq Malta.
Waqt il-laqgħa ġie kkonfermat li l-Istati Uniti lesta tkompli taċċetta dan in-numru ta’ refuġjati minn Malta anki fis-snin li ġejjin, sabiex tkompli tingħata għajnuna importanti li pajjiżna tant għandu bżonn. Minn naħa tiegħu, f’isem l-Oppożizzjoni, Simon Busuttil wassal l-apprezzament lill-uffiċċjali Amerikani u insista fuq l-importanza li din l-għajnuna tkompli tingħata sabiex ittaffi l-pressjoni migratorja fuq Malta. Huwa qal li bil-ġest tagħha, l-Istati Uniti qegħdha tkun t’ezempju għal ħafna pajjiżi oħrajn madwar id-dinja. Il-parti l-kbira tar-refuġjati li jibdew ħajja ġdida fl-Istati Uniti jintbagħtu jgħixu fi stati Amerikani bħal Texas, Azirona, Caifornia, Michigan u New York.
L-Oppożizzjoni tikkonkludi billi tawgura li din l-għajnuna kruċjali li qegħda tingħata minn naħa l-oħra tad-dinja, tasal tħajjar diversi stati Ewropej qrib tagħna sabiex huma wkoll jagħmlu ġesti simili biex ikompli jittaffa l-piż tal-immigrazzjoni fuq stati żgħar bħal Malta permezz ta’ sistemi li jħarsu d-dinjita u d-drittijiet ta’ dawn il-persuni u tal-pajjiżi kkonċernati.
//= $special ?>