Internazzjonali

Terroristi tal-grupp Stat Iżlamiku b’attakki mill-ajru

It-terroristi tal-grupp Stat Iżlamiku komplew ikunu suġġetti għall-attakki mill-ajru, bl-ajruplani tal-gwerra tal-koalizzjoni immexxija mill-Istati Uniti jikkonċentraw fuq militanti li kienu qed jassedjaw il-belt Sirjana ta’ Kobane, li hi qrib il-fruntiera tas-Sirja mat-Turkija

Rapporti miż-żona qalu li l-ajruplani tal-gwerra kienu qed iduru f’dawn l-inħawi matul il-lejl li għadda waqt li nstemgħu diversi splużjonijiet mill-inħawi. Dan waqt li ġellieda Kurdi qed jiddefendu l-belt ta’ Kobane kontra l-militanti tal-Istat Iżlamiku, b’ għexieren ta’ eluf ta’ ċivili, li l-maġġoranza tagħhom huma Kurdi, qed jaqsmu mis-Sirja lejn it-Turkija.

Is-sitwazzjoni qed issir dejjem aktar allarmanti, bit-truppi Torok qed jippruvaw iżommu lill-Kurdi Sirjani u Torok milli jaqsmu għal Kobane biex jgħinu fid-difiża tal-belt.

Intant, uffiċjali mal-qawwiet Amerikani qalu li l-offensiva tal-ajru fuq it-terroristi tal-Istat Iżlamiku fis-Sirja qed tħalli r-riżultati inkoraġġanti, iżda fl-istess ħin huma sostnew li l-attakki mill-ajru waħedhom m’humiex se jkunu biżżejjed biex jeliminaw it-theddida tal-militanti.