L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil, l-EASO, qed iħejji biex jgħin lill-pajjiżi li minnhom toriġina l-immigrazzjoni ħalli dawn japprezzaw u jħaddnu aktar il-valuri tad-drittijiet tal-bniedem kif imħaddna mill-Unjoni Ewropea. B’hekk, il-popli ta’ dawn il-pajjiżi jkollhom anqas il-bżonn li jaħarbu mill-pajjiż.
Din kienet il-wegħda li l-Kap Eżekuttiv tal-EASO Robert Visser għamel mal-mikrofonu tal-programm “Għalik fl-Ewropa”, li jixxandar fuq NET Television. Visser spjega li l-Uffiċċju li jmexxi hu jagħti t-taħriġ lill-Uffiċjali tal-Immigrazzjoni ta’ kull stat membru, inkluż Malta biex kull pajjiż jaġġorna ruħu għat-tibdil li qed nisimgħu bih ta’ spiss fejn tidħol l-immigrazzjoni.
Dwar Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-EASO qal li pajjiżna qed jipparteċipa fil-programmi kollha li joffri l-Uffiċċju Ewropew u li pajjiżna hu nvolut sew fil-ħidma meħtieġa fl-Ewropa u l-Mediterran.
Fost il-ħidma tagħha, l-EASO tħejji rapporti dwar ċerti pajjiżi li minnhom jitilqu l-immigranti, fosthom l-Afganistan u s-Somalja. Permezz ta’ dawn ir-rapporti, il-pajjiżi fejn jaslu l-immigranti jkollhom aktar informazzjoni dwar jekk immigrant għandux jingħata protezzjoni internazzjonali jew le.
Barra minhekk, Uffiċjali tal-EASO jżuru l-istati membri li jkunu qed jiffaċċjaw influss qawwi ta’ immigrazzjoni f’daqqa biex jgħinu f’każi ta’ emerġenza u anke jħarrġu lill-Uffiċjali lokali.
Filwaqt li sostna li l-Unjoni Ewropea mhijiex ċassa quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni, Robert Visser qal li l-politika komuni Ewropea trid tkun aktar viżibbli. Fakkar kif bl-aġġornamenti fis-sistema tal-Frontex, l-operazzjoni Ewropea qed tiżdied, għalkemm il-problemi għadhom kbar, bin-numru ta’ immigranti li qed jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa jkompli jiżdied minn sena għall-oħra.
Minn issa, l-EASO diġà jsegwi l-proċess kollu tal-ażil biex min jilħaq il-kriterji jiġi mgħejjun biex jintegra, filwaqt li dawk li ma jilħqux il-kriterji jintbagħtu lura lejn pajjiżhom. Fis-snin li ġejjin, l-Uffiċċju Ewropew mistenni jkompli jsaħħaħ dawn il-proċeduri.
//= $special ?>