Lokali

​Il-Partit Nazzjonalista jawgura l-ħidma t-tajba lil Bernardino Leon

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ posittivament l-aħbar li għada ser jibdew laqgħat bejn il-partijiet interessati dwar il-kriżi preżenti ġewwa l-Libja. Il-PN ifakkar li sa mill-bidu nett huwa saħaq dwar din il-linja għax ma hemmx dubbju li din hija t-triq t-tajba lejn soluzzjoni aċċettabbli.
Il-kunflitt li issa ilu għaddej sew fil-pajjiż ġar tagħna, għandu bżonn ta’ soluzzjoni paċifika li fiha l-partijiet kollha kkonċernati għandhom jipparteċipaw.
Il-ħatra tad-diplomatiku spanjol Leon Bernardino fl-14 ta’ Awissu 2014 bħala Special Representative & Head of the UN Support Mission fil-Libja serviet sabiex dan il-pass li diversi kienu qed jistennew u jappoġġjaw, iseħħ fil-prattika.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarjiet Barranin, Carmelo Mifsud Bonnici, qal li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja din il-ħatra u jittama li l-mexxejja tal-poplu Libjan jaslu għal soluzzjoni f’dan il-proċess, li għalkemm diffiċli​, ​huwa necessarju sabiex tinstab il-paċi, l-i​stabbilita’ u sistema demokratika permanenti.​