Madwar 200 persuna ħadu sehem fi protesta kontra l-immigrazzjoni – protesta li bdiet mill-Furjana u spiċċat sa quddiem il-Berġa ta’ Kastilja.
B’uħud mid-dimostranti jxejru bnadar ta’ Malta u jżommu kartelluni kontra l-immigrazzjoni, kelliema għall-grupp qalu li l-protesta kienet biss il-bidu u se jibqgħu jippersistu bil-kampanja tagħhom. Saħansitra huma qalu li lesti jċarċru demmhom għal din il-kawża.
Ikantaw is-slogan ‘Malta tal-Maltin mhux tal-Barranin’, id-dimostranti talbu l-għajnuna tal-awtoritajiet biex Malta ma tispiċċax bħall-Ġermanja jew bhall-Belġju u timtela’ b’ħafna immigranti li qed jieħdu x-xogħol tal-Maltin.
Id-dimostranti, permezz tal-kartelluni tagħhom, staqsew jekk fost l-immigranti li qed jidħlu Malta, hemmx persuni terroristi jew sostenituri tal-Istat Iżlamiku jew tal-Hamas.
Il-grupp kontra l-immigrazzjoni qal li jinsab lest li jimxi wara l-awtoritajiet Maltin f’każ li jittieħdu passi kontra dan il-fenomenu.
Id-dimostranti qalu li huma favur il-push-backs u sostnew li l-immigranti qed jieħdu kura tas-saħħa b’xejn, ikel b’xejn u akkomodazzjoni b’xejn. Il-grupp qal li l-poplu Malti qed iħallas ta’ dan kollu, u minn fuq l-immigranti jipprotestaw.
//= $special ?>