Lokali

Carmel Caccopardo jgħid li Karmenu Vella qed “jgħaddina biż-żmien”

Ftit ġranet biss qabel is-smiegħ tieghu bħala Kummissjarju Ewropew, l-ex Ministru Laburista Karmenu Vella ddikjara li hu vvota favur is-sħubija ta’ Malta fl-UE.

Ftit wara din id-dikjarazzjoni, jitkellem il-vici Chairman tal-Alternattiva Demokratika Carmel Caccopardo fejn fuq il-blog tiegħu jgħid li b’din id-dikjarazzjoni Karmenu Vella qed “jgħaddina biż-żmien” filwaqt li jsaqsi kif membru prominenti tax-Shadow Cabinet tal-ex Prim Ministru Laburista Alfred Sant ma qabilx mal-Kap tiegħu fuq l-issue tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja u ma fetaħx ħalqu?

Caccopardo fisser kif qabel id-dikjarazzjoni tal-ġimgħa li għaddiet, qatt ma sema lil Karmenu Vella jgħid x’jaħseb dwar l-Unjoni Ewropea u jgħid li qatt ma semgħu jgħid li jaqbel bħalma qatt ma semgħu jgħid li ma jaqbilx.

U jkompli billi jgħid li ma jafx kif wieħed jista’ jippretendi li jkun rispettat jekk jipprova jgħaddi ż-żmien bin-nies. “Karmenu Vella ma qalx li reġa bdielu matul dawn il-11-il sena mir-referendum. Ma qalx li kellu riżervi dwar l-UE li biż-żmien iċċara l-opinjoni tiegħu dwarhom. Le. Qal li ivvota favur is-sħubija” kiteb Cacopardo.