Lokali

L-MMSA iqajmu aktar kuxjenza dwar is-saħħa fil-qalb

Il-pubbliku kkonkorra bi ħġaru f’attivita’ oħra li kienet organizzata mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina fil-Pjazza ta’ Buġibba matul in-nofs ta’ nhar tal-Ħadd filgħodu.

Fl-attivita’ tqajmet iżjed kuxjenza dwar is-saħħa fil-qalb filwaqt li ngħata tagħrif dwar mard kroniku bħad-dijabete u l-pressjoni fid-demm.

Rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni tkellmu ma’ dan l-istazzjon dwar is-sodisfazzjon tagħhom meta jieħdu sehem f’attivita’ bħal din.

Bħala parti minn din l-attivita’ ingħataw pariri siewja ħafna, mill-kirurgu Alex Manche’, dwar is-saħħa fil-qalb. Matul din is-sessjoni, għall-ewwel darba intuża apparat bl-isem ta’ Heart Age Calculator.

Ma naqsux testijiet dwar iz-zokkor fid-demm kif ukoll testijiet oħrajn marbutin mal-pressjoni u dwar il-piz żejjed.

 
Numru ta’ nutritionists għenu lill-pubbliku biex jaddotta dieta tajba b’ikel ġenwin, kumplimentata b’xi forma ta’ eżerċizzju fiżiku.

It-tfal ukoll kellhom rokna ddedikata għalihom, b’tagħrif fost oħrajn biex it-tfal, miċ-ċkunija, ma jibżgħux mit-tabib.