Lokali

Possibbilta’ ta’ segwaċi tal-ISIS fil-gżejjer Maltin

Il-ħarġa tal-mument tal-Ħadd, ħabbret li teżisti possibbilta’ qawwija li dik li internazzjonalment hi maghrufa bħala ISIS – l-Organizzazzjoni tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u fis-Sirja – għandha wkoll direttament jew indirettament, rappreżentanza u segwaċi fil-gżejjer Maltin.

Is-Servizz tas-Sigurta’ Malti u l-Pulizija tal-Immigrazzjoni qed isegwu manuvri ta’ barranin wara dak li seħħ f’Tas-Sliema fl-4 ta’ Lulju. Żgħażagħ u rġiel għaddew b’carcade ixejru bnadar jew imkatar suwed waqt li ntlaqgħu minn nisa lebsin ilbiet twil u bil-velu.

Kien hemm saħansitra min ra dak li seħħ f’Tas-Sliema. Żewg koppji li kienu max-xatt ta’ Tas-Sliema raw, fil-viċinanzi tagħhom, numru ta’ nisa lebsin ilbies twil u bil-velu ma’ wiċċhom u magħhom kellhom għadd ta’ tfal li kienu megħdija jilgħabu.

Iżda meta l-carcade avviċinat lejn fejn kienu huma, minnufih qamu u marru fit-tarf tal-bankina jxejru u jifirħu b’dawk li kienu fil-karozzi u li kienu qed iġorru bnadar u mkatar suwed. Skont waħda min-nisa li tkellmet magħna, kienet esperjenza qarsa ħafna.