Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Aktar pressjoni fl-opinjoni pubblika għall-Kunsill Laburista f’Ta’ Sannat

Il-Kunsill Lokali Laburista Ta’ Sannat f’Għawdex qed ikompli jkun ippressat fl-opinjoni pubblika għall-mod kif qed jitmexxa. Il-kontroversja dwar l-ingaġġ ta’ omm is-Sindku mal-film li qed isir f’Imġarr ix-Xini u l-kunflitt ta’ interess tas-Sindku Philip Vella (ritratt) wassal biex il-Kunsill qed jiġi investigat mill-Bord ta’ Governanza tal-Kunsilli Lokali. Jirriżulta wkoll li l-Kunsill Lokali tas-Sannat ilu ma jiltaqa’ aktar minn xahar u għalhekk qed jikser il-Liġi tal-Kunsilli Lokali.

Jirriżulta li l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat saret fil-11 ta’ Awwissu li għadda, jiġifieri aktar minn xahar ilu. It-tmexxija tal-Kunsilli Lokali Ta’ Sannt mis-Sindku Laburista ġabet mhux biss kritika fl-opinjoni pubblika, iżda wkoll fost l-istess Kunsilliera Laburisti, li anke ppreżentaw Mozzjoni ta’ Sfiduċja fis-Sindku wara li l-Kunsilliera sostnew li kien hemm kunflittt ta’ interess għall-fatt li omm is-Sindku stess kienet impjegata bħala Location Assistant mal-kumpanija li bħalissa qed taħdem film f’Imġarr ix-Xini.

Il-Kunsilliera Laburisti sostnew li ma kienux jafu bl-impjieg u li dan ġab lis-Sindku f’pożizzjoni li ma jistax jinnegozja l-aħjar pakkett għal-lokal mingħand il-kumpanija li qed taħdem il-film. Mhux magħruf kemm tħallset omm is-Sindku fil-perjodu li kienet impjegata mal-kumpanija tal-film. Il-Kunsillieri Laburisti sostnew ukoll li qatt ma ngħataw oppourtunità jitkellmu mal-kumpanija tal-film għax is-Sindku dejjem ġab skuża wara l-oħra biex huma jitħallew barra.

Wara pressjoni politika li saret, it-tliet Kunsilliera Laburisti waqqfu l-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fis-Sindku.