Editorjal Lokali

Editorjal: Bażi tajba għal diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni

Nhar il-Ħamis li għadda, il-grupp ta’ ħsieb imwaqqaf mid-dar tal-istampa Malta Today, it-Today Public Policy Institute (TPPI), xandar rapport dwar tibdil li jista’ jsir fil-Kostituzzjoni ta’ Malta hekk kif għadha kemm għalqet ħamsin sena.

 
Proposti serji minn TPPI
Ir-rapport hu miktub minn Michael Frendo, politiku ta’ esperjenza, u minn Martin Scicluna, li jmexxi t-TPPI u li kkontribwixxa ħafna fil-ħajja pubblika. Ir-rapport ta’ 44 faċċata hu studjat u dettaljat u jagħmel ħafna proposti serji dwar il-mod kif il-Kostituzzjoni tagħna tista’ żżomm il-ħafna tajjeb li għandha waqt li tiżbor dak li ma ħadimx u ddaħħal provedimenti ġodda għal tmexxija aħjar tal-pajjiż.

 
Kostituzzjoni li servietna tajjeb…
Fil-fatt, x’jinnota r-rapport hu li l-Kostituzzjoni servietna tajjeb fl-aħħar 50 sena biex bl-Istat ġdid li waqqfet meta ksibna s-sovranità u bl-emendi li saru fiha wara, fassalna demokrazija li tiffunzjona tajjeb u għelibna problemi li setgħu kienu gravi.

 
…imma trid tevolvi
Imma bħalma l-pajjiż evolva, hekk irid jevolvi l-mod ta’ ggvernar. U hawn fejn ir-rapport jagħmel numru ta’ proposti biex, kif jgħid ir-rapport stess, il-poter jgħaddi minn idejn il-Gvern aktar għal idejn in-nies bil-ħarsien ta’ prinċipji importanti.

 
Ħafna proposti
Ir-rapport jipproponi prinċipji ġodda fil-Kostituzzjoni li mhux biss ikunu miktubin imma infurzati bis-serjetà; li jkun hemm aktar min isus fuq min ikollu poter ħalli ma jabbużax; li jkun hemm Prosekutur Ġenerali awtonomu mill-Gvern li jmexxi fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni; li jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Ombudsman; li ħatriet għolja ma jibqgħux isiru mill-Gvern waħdu imma minn fost lista ta’ nies li mbagħad ikollhom smigħ u eżami veru quddiem numru ta’ istituzzjonijiet; li jkun hemm metodi aktar effettivi biex il-Gvern ma jinfluwenzax il-Qrati; li l-Gvern jaħdem b’mod ħafna aktar miftuħ ħalli n-nies ikunu jafu sew x’qed jagħmel; li l-Ministri jkollhom kodiċi ta’ etika u integrità ċar u effettiv; u ħafna proposti oħrajn.

 
Bażi tajba
Ir-rapport tat-TPPI hu kontribut importanti tas-soċjetà ċivili u bażi tajba ħafna li fuqha jistgħu jkomplu jiżdiedu jew ikunu rfinati proposti biex ikollna mod ta’ ggvernar – dan hu fl-aħħar mill-aħħar x’inhi l-Kostituzzjoni – li jwettaq dak li lkoll naqblu fuqu: aktar drittijiet lin-nies u tmexxija aktar serja u miftuħa.

 
Qbil wiesa’
Il-Kostituzzjoni tagħna hi minnha nnifisha sinjal ta’ qbil għax biex tinbidel taħseb hi stess għal maġġoranza ta’ żewġ terzi. U r-rapport tat-TPPI ifassal ukoll triq għal kif jistgħu jsiru d-diskussjonijiet dwar emendi fil-Kostituzzjoni bis-sehem tas-soċjetà kollha ħalli nkomplu niżviluppaw il-Kostituzzjoni b’aktar qbil u parteċipazzjoni.