Qorti

Il-kumpilazzjoni ta’ disa’ kaċċaturi għall-Ħamis u ta’ kaċċatur ieħor għall-Ġimgħa

Il-kumpilazzjoni biex jibdew jinġabru l-provi dwar l-allegati reati li seħħew minn 10 kaċċaturi se tibda lejn l-aħħar ta’ din il-ġimgħa. Disa’ kaċċaturi li kienu tressqu flimkien il-Ħamis li għadda, mixlijin b’tixwix u li wettqu konġura jew li ftehmu biex iwettqu reat, se jibdew għaddejjin kumpilazzjoni il-Ħamis li ġej quddiem il-Maġistrat Anthony Vella.

Sadanittant, il-kaċċatur li wkoll kien tressaq il-Ħamis li għadda quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia b’mod separat, se jibda għaddej kumpilazzjoni l-għada l-Ġimgħa quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.

Il-kaċċaturi, li lkoll inżammu taħt arrest preventiv, huma tnejn minn Ħaż-Żabbar, tnejn minn Wied il-Għajn, Għawdxi, wieħed miż-Żurrieq, Rabti, kaċċatur minn Ħad-Dingli, ieħor mill-Mosta u kaċċatur minn Birkirkara. Fost reati oħrajn, il-kaċċaturi ġew mixlijin li xewwxu, li offendew lill-Prim Ministru, li wettqu konġura u dan biex iwettqu reat il-Ħadd, 21 ta’ Settembru, waqt protesta spontanja li saret minn numru ta’ kaċċaturi.

Tnejn minnhom kienu mixlijin ukoll li kellhom fil-pusses tagħhom armi ta’ imitazzjoni, li skont il-Liġi hu reat. Kien hemm minnhom li ġew mixlijin ukoll li tkellmu ħażin u tnejn minnhom li ħebbew għall-membri tal-media, kif ukoll tlieta li waddbu l-ġebel.