Lokali Unjoni Ewropea

Kontinwament Aġġornata: Illum is-smiegħ ta’ Karmenu Vella, Alfred Sant mhux sorpriż bid-dikjarazzjoni ta’ Vella dwar il-vot għall-UE

jirrapporta minn Brussell

Is-smiegħ se jixxandar LIVE mis-2.30pm ‘il quddiem fuq MaltaRightNow.com

11.15am: L-eks Mexxej Laburista u llum il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant iddikjara li ma kienx sorpriż bid-dikjarazzjoni ta’ Karmenu Vella, meta qal li vvota favur is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Mistoqsi minn MaltaRightNow.com wara d-dikjarazzjoni ta’ Vella fi tweġibiet lill-Membri Parlamentari Ewropej, Alfred Sant wieġeb li ma jħossx li għandu jkun sorpriż b’xejn f’din id-dinja, speċjalment fuq xi ħaġa li ġrat 14-il sena ilu. Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista sostna li l-grupp tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, li l-Partit Laburista jifforma parti minnu, ma kien hemm l-ebda rimarki negattivi dwar in-nomina ta’ Malta. Sant sostna li bħala grupp tas-Soċjalisti huma impenjati li jiċċaraw ċerti impenji li daħal għalihom Jean Claude Juncker. Hemm ukoll impenn biex jiġi ssalvagwardjat l-aspett soċjali b’din il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Saħaq ukoll li l ekonomija hi prijorità għall-Kummissjoni mmexxija minn Juncker. Min-naħa tagħha, Marlene Mizzi enfasizzat ukoll fuq il-format il-ġdid li daħħal Juncker f’din il-Kummissjoni, inkluż il-mod kif ġew ifformati l-portafolli. Mizzi kkonfermat dak li stqarr mal-ġurnalisti David Casa meta qalet li “sibna koperazzjoni mill-grupp tal-PN u s-sitta li aħna qegħdin flimkien”. Miriam Dalli ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa informali mal-ġurnalisti. Ara l-filmat.

10.30am: Il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-kaċċa qed tqajjem dubji fil-Parlament Ewropew dwar il-Kummissarju Ewropew nominat f’isem Malta Karmenu Vella. Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewroepw David Casa f’laqgħa li kellu dalgħodu mal-ġurnalisti Maltin li se jkunu qed jirrapportaw is-smiegħ fi Brussell.

David Casa qal li punt ieħor li qed iqajjem id-dubji fost l-MEPs hi l-kontroversja l-ġdida dwar kif ivvota l-Perit Vella fir-Referendum tal-2003 biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Dwar din id-dikjarazzjoni ta’ Vella, Casa sostna li jinsab sorpriż ħafna kif Vella llum qed jgħid li vvota favur is-Sħubija. Minkejja dan kollu, sostna David Casa, l-MEPs f’isem il-PN ħadmu biex is-smiegħ imur tajjeb għal pajjiżna. Fl-aħħar ġimgħat, l-MEPs f’isem il-PN ħadmu biex fejn hemm id-dubji, jiġu ċċarati.

Filwaqt li spjega kif it-tliet MEPs f’isem il-PN diġà ltaqgħu ma’ Karmenu Vella fi Strasburgu, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew ċaħad rapporti li dehru fil-media u li qalu li l-PN ħadem kontra. Fil-laqgħa mal-MEPs f’isem il-PN, Karmenu Vella wiegħed li se jirrikonoxxi pubblikament l-appoġġ tat-tliet MEPs. Madankollu, s’issa din l-istqarrija baqgħet qatt ma waslet.

F’ismu u f’isem il-kollegi tiegħu Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, li kienu preżenti għal-laqgħa informali, David Casa rringrazzja wkoll lil Tonio Borg, li issa qed itemm it-terminu tiegħu bħala Kummissarju Ewropew.

Min-naħa tagħha, Roberta Metsola fakkret li jekk wieħed iħares lejn is-smiegħ b’mod ġenerali, ma nistgħux ngħidu li l-proċess se jkun xi wieħed faċli minħabba li jaf ikun hemm individwi li jiffaċċjaw mistoqsijiet iebsin. Therese Comodini Cachia saħqet li fis-snin li ġejjin il-kaċċa bil-fors se tkun kwistjoni kontinwa li se toħloq pressjoni kbira fuq Karmenu Vella fit-terminu tiegħu bħala Kummissarju Ewropew.

Is-smiegħ ta’ Karmenu Vella fil-Parlament Ewropew, li mistenni jibda fis-2.30pm, se jixxandar LIVE fuq MaltaRightNow.com.