Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) iddikjarat kwistjoni industrijali fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li fl-aħħar sena u nofs id-Dipartiment tas-Saħħa ħalla nuqqas ta’ Carers fl-Isptar għad-deterrent tal-pazjenti fl-Isptar u l-anzjani rikoverati fis-Sala Sant’Anna.
Fi stqarrija, l-MUMN qalet li n-nuqqas ta’ Carers irriżulta wkoll minħabba li numru ta’ Carers kienu trasferiti bħala Security Guards jew f’xogħolijiet oħrajn mingħajr ma ddaħħlu persuni oħrajn. Fil-preżent, hemm 20 Carer meħtieġa biex jimlew il-postijiet vakanti fi sptar żgħir bħal dak ta’ Għawdex.
Minkejja li l-MUMN ilha tibgħat korrispondenza lid-Dipartiment tas-Saħħa għal aktar minn sena, l-impenji tad-Dipartiment qatt ma mmaterjalizzaw minkejja l-wegħdi li saru. Filwaqt li numru ta’ infermiera kienu trasferiti minn Malta għal Għawdex fi tliet okkażjonijiet matul din il-leġiżlatura u wara direttivi tal-MUMN, qatt ma kienu ngaġġati Carers fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Quddiem din is-sitwazzjoni, l-MUMN tat ċans sal-10 ta’ Ottubru li ġej biex il-Carers meħtieġa jkunu ngaġġati u li jekk dan ma jsirx, l-infermiera kollha, inkluż dawk li jaħdmu fis-Sala Sant’Anna, jieqfu jagħmlu xogħol ta’ Carers u jikkonċentraw biss fuq ir-responsabbiltajiet tagħhom.
L-MUMN qed tkun mgħoddija biż-żmien u jidher ċar li l-anzjani fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex m’humiex prijorità għad-Dipartiment tas-Saħħa, sostniet l-MUMN.
//= $special ?>