Lokali Unjoni Ewropea

llum is-smigħ ta’ Karmenu Vella

Robert Cremona jirrapporta mill-Parlament Ewropew

Hija meqjusa li se tkun sessjoni diffiċli dik li se jiffaċċja l-Perit Karmenu Vella illum wara nofsinhar, hekk kif fil-Parlament Ewropew, fi Brussell, jibdew il-famużi “grillings” qabel ma l-istess Parlament japprova l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida immexxija minn Jean Claude Juncker.

Vella huwa l-Kummissarju nominat minn Malta, u l-Presidenet Juncker allokalu portafoll ta’ ċerta statura, li jinkludi l-ambjent, l-affarijiet marittimi u s-sajd. Imma, minkejja li s-smigħ tiegħu se jkun għadma iebsa, jidher li diġà hemm qbil informali bejn il-Partit Popolari Ewropew u l-grupp tas-Soċjalisti, l-akbar żewġ gruppi fil-Parlament Ewropew li bejniethom għandhom il-maġġoranza, li jappoġġjaw din in-nomina meta jiġu għall-vot fil-Plenarja. Min-naħa l-oħra, il-Ħodor Ewropej jidher li qed joqogħdu pass lura.

Is-smigħ ta’ Karmenu Vella se jdum madwar tliet sigħat u jibda fis-2.30pm. F’dawn it-tliet sigħat ta’ smigħ, il-membri tal-Parlament Ewropew se jkollhom iċ-ċans jistaqsu total ta’ 45 domanda orali. Fl-istess ħin, fil-Parlament se jkun qed isir is-smigħ ta’ Cecilia Malmstrom.

Fit-tweġibiet għall-kwestjonarju li kull Kummissarju-nominat jirċievi qabel is-smigħ tiegħu, Vella ddeskriva lilu nnifsu bħala Ewropew konvint u ddikjara li fl-2003 hu vvota favur is-sħubija ta’ Malta fl-UE, jiġifieri kontra l-linja tal-Partit Laburista, dak iż-żmien immexxi minn Alfred Sant.

Madanakollu, meta fl-14 ta’ Lulju 2003, il-Parlament Malti ġie biex jirratifika t-Trattat tas-Sħubija, Vella m’attendiex għas-seduta. Dak il-vot storiku kellu jittieħed tliet darbiet, darba fil-bidu, u darbtejn fi tmiem is-seduta, wara li l-Oppożizzjoni Laburista kienet sejħet division. Il-vot kien għadda b’34 membru tal-Gvern jivvutaw favur, u 25 tal-Oppożizzjoni jivvutaw kontra. Fost dawk neqsin mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni kien hemm Karmenu Vella flimkien ma’ Alfred Sant, u tliet deputati oħra.

Fit-tentattiv tiegħu li jikkonvinċi lill-MEPs dwar il-kredenzjali Ewropej tiegħu, fil-kwestjonarju li wieġeb, l-eks Ministru Laburista qal ukoll li hu kien jifforma parti minn Gvern pro-Ewropew, immexxi minn eks membru tal-Parlament Ewropew, b’riferenza għall-PM Joseph Muscat.

Wara li mela dan il-kwestjonarju, illum, qabel jibda jwieġeb id-domandi orali tal-MEPs, Vella se jkun qed jagħmel diskors li fih jintroduċi lilu nnifsu quddiem il-Parlament Ewropew. Imbagħad, f’dak li jidher li se jkun test diffiċli għan-nominat Malti, jibdew il-mistoqsijiet tal-MEPs, li bla dubju se jkunu qed jikkonċentraw fuq temi ambjentali.
Skont l-istqarrijiet pubbliċi li saru fl-aħħar ġranet, jirriżulta li l-ewroparlamentari Maltin se jkunu qed jappoġġjaw, kollha kemm huma, lil din in-nomina.

B’kollox, jammontaw għal 27, il-Kummissarji Ewropej li jridu jiġu approvati bejn illum u t-Tlieta 7 t’Ottubru. Fost dawn, hemm diversi ismijiet li diġà huma kunsidrati bħala kontroversjali, fosthom in-nominat Spanjol Miguel Aris Canete, l-Ungeriż Tibor Navracsics u anke l-Ingliż Jonathan Hill.

Analiżi dettaljata li għamel il-ġurnal “EU Observer” tindika li kważi tkun sorpriża jekk il-grupp kollu ta’ Kummissarji Ewropej jiġi konfermat mill-ewwel mill-Membri Parlamentari Ewropej. Ir-rapport jgħid illi “mhix kwistjoni jekk, imma min, se jeħel mit-test tal-MEPs”.

Kulħadd jiftakar l-isem tan-nominata mill-Bulgarija Rumiana Jeleva, li kienet weħlet fis-smigħ fuq akkużi ta’ kunflitt ta’ interess. U anke kif fl-2004, kien it-Taljan Rocco Buttiglione li irċieva baraxx ta’ kritika mill-Parlament Ewropew minħabba l-pożizzjoni konservattiva tiegħu fuq l-omosesswali.

Profil ta’ Karmenu Vella
Karmenu Vella se jkun l-ixjeħ Kummissarju f’dan il-grupp, flimkien mal-Ispanjol Canete li wkoll għandu 64 sena.
Karmenu Vella, li hu meqjus bħala wieħed mill-aktar politiċi veterani f’pajjiżna, se jkun ukoll l-ewwel Malti li qatt kellu fir-responsabbiltà tiegħu l-portafoll tal-ambjent.

Vella huwa Perit, u għandu wkoll Masters fil-Management fit-Turiżmu. Serva wkoll bħala Direttur tal-Mid-Med Bank. Riċentement serva bħala Chairman tal-Orange Travel Group.

Il-bidu tal-karriera politika tal-Perit Vella jmur lura għas-sena 1968, fejn serva fl-Eżekuttiv Nazzjonali Laburista. Wara, ikkontesta b’suċċess l-elezzjoni tal-1976. Fl-elezzjonijiet ta’ wara huwa dejjem ġie elett, b’appoġġ partikolari mil-lokalità taż-Żurrieq, li hu raħal twelidu.

Vella serva bħala Ministru tal-Industrija bejn l-1983 u l-1987, u serva darbtejn oħra fi Gvernijiet Laburisti differenti bejn l-1996 u l-1998, u wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013. F’dawn iż-żewġ okkażjonijiet, kien Ministru tat-Turiżmu.

Assi ta’ Karmenu Vella 

[list type=”check”]
  • Kwart ta’ blokk ta’ appartamenti f’Ħal Qormi
  • 1/6 ta’ blokk ta’ appartamenti f’Birkirkara
  • Nofs blokk appartamenti fiż-Żejtun
  • Terz ta’ plot fiż-Żurrieq
  • Appartament f’Birżebbuġa
  • Appartament f’San Pawl il-Baħar
  • Plot fil-limiti taż-Żurrieq
  • Plot fil-limiti tal-Qrendi
  • Plot fir-Ramla taż-Żejtun
[/list]

 

Dati importanti
[list type=”check”]

  • 29 ta’ Settembru – 7 t’Ottubru Smigħ tal-Kummissarji nominati
  • 7 ta’ Ottubru Laqgħa straordinarja tal-Kapijiet tal-gruppi politiċi
  • 8 – 9 ta’ Ottubru Evalwazzjoni mill-gruppi politiċi
  • 9 ta’ Ottubru Konklużjonijiet finali mill-Kapijiet tal-gruppi
  • 22 ta’ Ottubru Vot fil-Parlament Ewropew
[/list]