Fl-aħbarijiet ta’ barra, għadna kemm smajna mill-Indoneżja fejn qed isiru protesti popolari u kritika qawwija fil-media għall-fatt li l-President Susilo Bambang Yudhoyono neħħa l-elezzjonijiet diretti tas-sindki fil-lokalitajiet.
Protesti kbar fl-Indoneżja
Fl-Indoneżja, in-nies kienu jivvutaw mhux biss għall-kunsillieri imma wkoll għas-sindki. Issa neħħew l-elezzjoni diretta tas-sindki – deċizjoni li ntlaqgħet bi protesti fit-toroq u fil-media anke soċjali.
#RIPDemokrasi
Gazzetta ewlenija f’Ġakarta qalet li dan hu tradiment tad-demokrazija. Analisti politiċi qalu li dan hu wirt terribbli tal-presidenza ta’ Yudhoyono. L-aktar hashtag popolari fuq Twitter fid-dinja kollha nhar il-Ġimgħa kien #RIPDemokrasi u s-Sibt #ShameOnYouSBY, l-inizjali tal-President Indoneżjan.
Jiswew il-flus, għajjenin
L-argument tal-President Yudhoyono hu li l-elezzjoni diretta tas-sindki tiswa ħafna flus u tgħajji n-nies. Mingħand min smajniehom dawn l-argumenti? Eżatt l-istess skużi li qed iġibu l-Ministru Owen Bonnici u l-Prim Ministru Joseph Muscat biex ineħħu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kollha – 68 elezzjoni – f’dal-ħames snin.
Muscat: Malta ma taffrodjax elezzjonijiet
Il-Prim Ministru Muscat nefaħ iċ-ċifra ta’ kemm jiswew l-elezzjonijiet tal-kunsilli – żewġ miljun ewro – u qal li Malta falluta daqstant li ma taffordjax elezzjonijiet. Jirriżulta li l-elezzjonijiet tal-kunsilli jiswew biss terz taċ-ċifra li qal Joseph Muscat.
‘Konsultazzjoni’ biex titneħħa l-konsultazzjoni
L-imminar tad-demokrazija fil-kunsilli lokali min-naħa ta’ Owen Bonnici u Joseph Muscat tlibbes sabiħ bil-kelma ‘konsultazzjoni’. Bonnici u Muscat ‘ikkonsultaw’ biex ineħħu l-aqwa konsultazzjoni mal-elettorat – l-elezzjonijiet.
Dawk li jaqblu
Il-‘konsultazzjoni’ ta’ Owen Bonnici għalqet nhar is-Sibt li għadda. Wieħed jifhem li żgur ikun hemm min ma jridx elezzjonijiet lokali jsiru. Il-kunsillieri u s-Sindki Laburisti żgur kitbu lill-Gvern biex iħallihom imkaħħlin mas-siġġu.
#ShameOnYouSBY
Min-naħa l-oħra, kull min jemmen fid-demokrazija ma jistax jaċċetta li min ġie elett bil-vot tan-nies ineħħi dak l-istess vot tan-nies biex jibqa’ hemm ħames snin oħra. Owen Bonnici u Joseph Muscat, mal-‘konsultazzjoni’ li għamlu, ma jagħmlux ħażin jaraw ftit x’qed jgħidu fl-Indoneżja għat-tneħħija ta’ element wieħed mid-demokrazija lokali f’pajjiż li demokrazija ma kellux ħafna fil-passat. Tajjeb jiftakruhom il-hashtags: #RIPDemokrasi u #ShameOnYouSBY.