Fl-ewwel kummenti lill-ġurnalisti wara li ntemm il-grilling fi Brussell, il-Kummissarju nominat Karmenu Vella sostna li fadallu ħafna aktar xogħol x’jagħmel biex jidħol sew f’kull aspett li jkopri is-settur li ingħatalu bħala Kummissarju Ewropew.
Eżatt kif intemm is-smigħ, Vella deher ferm iktar rilassat u saħaq b’mod ċar li hu għamel minn kollox biex ikun sinċier mal-MEPs. “Ridt inkun sincier u ġenwin”, sostna Vella.
Huwa qal ukoll illi lest ikompli jaħdem mal-MEPs biex jekk jigi konfermat ikun qed jiddedika l-enerġija kollu tiegħu għall-portafoll fdat lilu.
Ħadna wkoll ir-reazzjoni ta’ David Casa, Kap tad-Delegazzjoni tal-PN, fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew. Huwa sostna li Vella deher li kien ħafna preparat fil-qasam tas-sajd, imma fuq l-ambjent jidher li ma kienx wisq preparat.
Roberta Metsola min-naħa tagħha qaltilna illi huwa importanti li jkollna kummissarju li jagħmlilna ġieħ bħala pajjiż. Qalet illi hu deher li kien preparat fuq ċertu oqsma imma rridu nistennew l-ezitu tal-analizi li se ssir mill-MEPs fl-24 siegha li gejjin.
Therese Comodini Cachia qalet illi din kienet l-ewwel esperjenza tagħha fejn segwiet b’mod dirett dan it-tip ta’grilling, u sostniet li Karmenu Vella iffaċja test diffiċli bil-mistoqsijiet diretti li sarulu. Anke hi enfasizzat li issa irridu nistennew l-eżitu tal-konklużjoni tal-Ewro-Parlamentari wara s-smiegħ tal-bieraħ.
Ħadna wkoll ir-reazzjoni tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-PL fil-Parlament Ewropew Alfred Sant. Huwa qal illi Karmenu Vella ta preżentazzjoni ċara li intlaqgħet tajjeb. “Kien preċiż u kalm fil-mod kif tkellem. U kienet preżentazzjoni onesta quddiem sfidi kbar li għandna fl-ambjent”.
Waqt il-grilling kulhadd innota kif 40 minuta, Vella beda jidher mhux daqstant konvinċenti wisq fir-risposti tiegħu lill-MEPs. Filwaqt li fuq punti teknici li tqajjmu, kien hemm ftit risposti diretti. U f’ħin minnhom qal huwa stess li f’ċertu suġġetti ghadu mhux infurmat sew, u agħar minn hekk, qal illi “m’għandux opinjoni”.
Fil-fatt, l-MEP Demesmaeker fil-mistoqsija tiegħu appellalu biex ma jibqax idur mal-lewża fit-tweġibiet li jagħti.
Karmenu Vella baqa’ jiġi pressat anke fuq il-kaċċa, inkluż mill-MEP liberali Catherine Bearder, fejn prova jispjega illi hu jaf x’effett negattiv tħalli l-kacca illegali. “Jien mhux se niddefendi lil min jikser id-Direttiva tal-Għasafar”.
Forsi l-aktar li deher komdu kien meta wieġeb il-mistoqsijiet dwar l-aspett marittimu, fejn deher aktar infurmat u konvinċenti. Xi haga li innutaw ukoll l-erba’ MEPs Maltin illi tkellimna magħhom.
Wara l-grilling, mal-ewwel bdew ħerġin reazzjonijiet minn ambjentalisti. Fosthom Konstantin Kreiser, li hu espert internazzjonali tal-biodiversita’, illi esprima diżappunt għall-mod li bih Vella wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu. Anke BirdLife International ikkummentat li Vella kien vag u evażiv, filwaqt li l-MEPs tal-grupp tal-Greens kienu kritiċi ħafna wara dan il-grilling.
Minkejja dan kollu, kollox jindika li Vella se jkun qed jgħaddi mit-test tal-Parlament Ewropew għaliex għandu l-appoġġ kemm tas-Soċjalisti kif ukoll tal-Partit Popolari Ewropew.
Intant, fil-bini tal-Parlament Ewropew dehret ukoll għal xi ħin l-MEP Laburista Miriam Dalli, illi hi mizzewġa lit-tifel ta’ Karmenu Vella. Kemm hi, kif ukoll l-MEPs l-oħrajn minn Malta, ħadd ma ħa sehem fis-smiegħ.
“Ridt inkun sinċier u ġenwin” – Karmenu Vella
