Sirjan ta’ 34 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li nhar is-Sibt li għadda meta kien Sqallija ġab lil sieħbu wkoll Sirjan f’Malta billi għabbieh fil-bagoll tal-karozza tiegħu u pprova jdaħħlu bla permess f’Malta.
Ahmad Farhoud imwieled fil-belt ta’ Holmes, ammetta li huwa daħħal f’Malta lil Mohamad Ahmad ta’ 21 sena, fil-bagoll li kien mimli “tiolet paper” biex dan ikun jista’ jistaħba madwaru. Ahmad kien daħal Sqallija permezz ta’ dgħajsa flimkien ma’ għadd ta’ Sirjani oħrajn xi ġimgħat ilu.
Huwa kien iddejjaq l-Italja peress li m’għandu l-ebda familja hemmhekk, iżda diversi membri tal-familja tiegħu jinsabu f’Malta. Il-Qorti qalet li ma kinitx se tagħti s-sentenza immedjatament u kienet se titlob l-ewwel lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole biex isir rapport biex wieħed jara jekk jistax iqabbad lil Farhoud jagħmilx servizz fil-Kommunita’.
Kemm id-difiża kif ukoll il-Prosekuzzjoni qablu li skont il-liġi Farhoud irid jingħata sentenza li tgħid li tiġi konfiskata l-karozza tiegħu, multa u sentenza sospiża. L-Avukat Arthur Azzopardi qal li Farhoud ma jistax jintbagħat lura s-Sirja minħabba s-sitwazzjoni li għaddej minnha l-pajjiż. Huwa ilu ħafna f’Malta u ma jaħdimx u lanqas għandu d-dritt li jingħata s-servizzi sożjali.
Pero, Farhoud li huwa residenti Birkirkara, jista’ jagħmel talba għall-“working permit”. Il-Qorti semgħet b’attenzjoni dak li qalet id-difiża u l-Prosekuzzjoni u wara li tenniet li se tagħti s-sentenza f’seduta oħra, laqgħet it-talba għal liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €6,000. Huwa kien ordnat ukoll li ma joħriġx mid-dar qabel is-7.00 a.m. u jirtira lura d-dar sat-8.30 a.m.
Ftit wara tressaq l-istess Mohamad Ahmad wkoll minn Homs. Huwa ammetta wkoll li daħal Malta bla passaport u mingħajr ma avża lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni. Huwa ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin u li minnufih jiġi deportat lura lejn l-Italja. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frankie Sammut.