Mara Maltija qed tallega li kienet ġiet stuprata diversi drabi fuq perjodu ta’ xahrejn fl-2012 u anke ffrodata is-somma ta’ €27,000 minn Olandiż ta’ 33 sena. Qed tallega wkoll li minbarra li stupraha, Johan Stellingwerf għamel atti perversi magħha. L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrieh u qed jgħid li dak li sar bejniethom kien kollu konsenswali.
It-tfajla qed tgħid li fl-ewwel xahrejn li kienu flimkien, kollox kien miexi sew. Madankollu, fix-xahrejn ta’ wara kollox beda jinbidel, bl-akkużat jagħmel atti perversi u li kien qed jaġixxi bħala mażokist. Sadanittant, Johan Stellingwerf kien intab ħati f’pajjiżu li stupra żewġ nisa fl-2006 wara li kien ġie akkużat li stupra ħames nisa.
Rapporti fil-media Olandiża kienu qalu li l-Pulizija kienet għamlet tfittxija intensiva biex issibu. Eventwalment, hu kien ġie arrestat fil-Brażil u ġie deportat lejn pajjiżu, fejn instab ħati li stupra żewġ nisa, iżda ġie lliberat mill-appell li kien stupra tlieta oħrajn. Dwar il-każ ta’ frodi fuq it-tfajla Maltija, il-Qorti ta’ Amsterdam kienet illiberat lil Stellingwerf, fejn qalet li hu ma kellu jagħti xejn lit-tfajla, anzi hi l-Maltija li għandha tagħtih €6,000.
Permezz tal-Avukati tiegħu Malcolm Mifsud u Jason Grima, ingħad li t-tfajla Maltija kienet tibgħat messaġġi erotiċi u messaġġi oħrajn li juru li kienet hi l-persuna li kienet tipprovokah u li saħansitra fuq il-mobile tal-akkużat jeżistu filmati li juru l-mod kif kienet taġixxi. Madankollu, meta kien qed iwieġeb għad-domandi tad-Difiża, is-Surġent George Dalli qal li ma jiftakarx li l-akkużat ried jurieh il-mobile tiegħu, li allegatament kien fih messaġġi ta’ mħabba mingħand it-tfajla, filmati intimi bejniethom u affarijiet oħrajn li juru li kien hemm rapport konsenswali bejn it-tnejn.
L-Ispettur Yvonne Farrugia qalet li t-tfajla hi vittma f’dan il-każ u li Stellingwerf dejjem isegwi l-passi tagħha, minkejja li għandu ordni mill-Qorti biex ma jagħmilx dan. Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li hu l-klijent tagħhom li qed jiġi segwit, mhux biss mill-allegata vittma iżda wkoll minn ħbieb tagħha. Huma talbu wkoll lill-Qorti biex Stellingwerf ikun protett. Qalu wkoll li anke missier l-allegata vittma, li kien xhud tal-Prosekuzzjoni u jista’ jittella’ jixhed mid-Difiża, qed ikun kontinwament fl-Awla tal-Qorti maġenb l-akkużat u li dan mhu xejn ħlief tip ta’ intimidazzjoni.
L-Avukat Mifsud qal ukoll li l-klijent tiegħu qed iħoss li qed jiġi mhedded anke minn dak li qed jiġri fuq Facebook, fejn persuna tkellem b’mod diżpreġġattiv fil-konfront tal-akkużat wara artikllu li deher f’ġurnal lokali. L-Ispettur Farrugia qalet li t-tfajla Maltija marret tagħmel rapport mal-Ispettur Robert Vella, li għadda l-każ mill-ewwel lill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji. Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Vella nnifsu kkonferma fil-Qorti u qal li l-allegata vittma kienet marret għandu biex tagħmel rapport li l-akkużat kien stupraha. Hi kien qaltlu li ma kinitx ċerta x’ismu u kunjomu, kienet tafu b’ismu biss u li iżda kemm-il darba siefret miegħu. Qalet li hi ma kellhiex aktar kuntatt miegħu u kienet ukoll urietu ritratt tal-akkużat.
Farrugia qal li jumejn wara reġgħet marret għandu u qaltlu li Stellingwerf kien ġej Malta. Mill-Prosekuzzjoni rriżulta wkoll li kien hemm mumenti li kienet se twaqqa’ l-każ meta l-każ kien għadda f’idejn il-Pulizija ta’ kontra l-vizzji.
Skont il-media Olandiża, Johan Stellingwerf kien intlemaħ fil-Polonja u allegatament kien javviċina nisa u juża isem falz. Hu allegatament kien jgħidilhom li hu student fil-livell ta’ PhD u jitlobhom biex jgħinuh. Ingħad ukoll li xi nisa kienu wkoll wissew lill-Pulizija Pollakka dwaru. F’Malta kien rappurtat ukoll li kien avviċina mara f’bajja f’Tas-Sliema, fejn din iddeskrievitu bħala raġel gustuż u li jiġbdek. Din qalet li qabad magħha u qaltlu li hi miżżewwġa bit-tir li jieqaf milli jkompli jabad magħha, iżda hu kompla. Din il-mara, li mhix l-allegata vittma, qalet dan fuq ġurnal lokali.
Sadanittant, l-Ispettur Yvonne Farrugia ma riditx tixhed minħabba l-preżenza tal-media fl-Awla. L-Avukat Mifsud qal li ma kien hemm l-ebda Digriet mill-Qorti biex il-kawża tinstema’ bil-magħluq. Għaldaqstant, hi mistennija tixhed f’seduta oħra.
Id-Difiża għamlet talba lill-Qorti biex l-akkużat ikun jista’ jmur lura pajjiżu għal raġunijiet mediċi. Bħala parti ċivili dehret l-Avukat Paulene Lanzon. Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ fit-8 ta’ Ottubru li ġej.
//= $special ?>

