Knisja Lokali

40 sena mill-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Ġużeppi Mercieca

Il-Knisja ta’ Malta qed trod ħajr lil Alla għall-40 anniversarju mill-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca.

Għal din l-okkażjoni, l-Arċisqof ta’ Malta Mons Pawlu Cremona it-Tnejn filgħaxija ikkonċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Katidtral tal-Imdina flimkien man-Nunzju Appostoliku Aldo Cavalli, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, l-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna u l-Isqof Joe Allessandro.

Ġużeppi Mercieca inħatar Isqof Awżiljarju ta’ Malta fis-27 ta’ Lulju 1974 u kien ikkonsagrat Isqof fid-29 ta’ Settembru tal-istess sena. Fil-ħames snin ta’ qabel, hu kien serva bħala Imħallaef tas-Sacra Romana Rota fil-Vatikan.

Fid-29 ta’ Novembru tal-1976 kien nominat bhala Arċisqof ta’ Malta u ħa f’idejh it-tmexxija tal-Arċidjocesi ta’ Malta fit-12 ta’ Diċembru tal-1976.

F’Novembru 2003, kif titlob il-Liġi tal-Knisja malli għalaq il-75 sena, Ġużeppi Mercieca offra r-riżenja tiegħu minn Arċisqof ta’ Malta lill-Papa Ġwanni Pawlu II. Eventwalment hu baqa jservi bħala r-Ragħaj spiritwali tal-Knisja f’Malta sas-26 ta’ Jannar 2007. Ġużeppi Mercieca llum għandu 85 sena.