Internazzjonali Knisja

Eluf ta’ filmati u ritratti pornografiċi ta’ tfal fuq il-kompjuter u l-laptop tal-eks Isqof Pollakk Wesolowski

L-eks Isqof Pollakk Jozef Wesolowski, li t-Tlieta li għadda ġie arrestat fil-Vatikan bl-akkużi ta’ pedofelija instab li kellu maħżuna għexieren ta’ eluf ta’ filmati u ritratti pornografiċi ta’ tfal fuq il-kompjuter tiegħu. Rapporti fil-media Taljana qed jgħidu li l-filmati u r-ritratti nstabu fl-uffiċċju li l-eks Isqof kellu f’isem is-Santa Sede fir-Repubblika Dominikana.

Il-maġġoranza tal-materjal li nstab kienu ritratti, b’aktar minn 86,000 wieħed arkivjati f’kategoriji differenti, kif ukoll madwar 160 filmat ta’ subien iwettqu atti sesswali fuqhom infushom jew fuq adulti. Barra minhekk, instabu wkoll eluf ta’ ritratti oħrajn fuq laptop li Wesolowski kien juża’ meta jsiefer barra l-pajjiż.

Investigaturi li tkellemu mal-ġurnal Taljan Corriere della Sera qalu li nstabu madwar 45,000 ritratt li tħassru minn fuq il-kompjuters tal-eks Isqof Pollakk, li għandu 66 sena. Hu kien tneħħa minn Saċerdot f’Ġunju 2014 qabel ma tpoġġa taħt arrest f’daru sakemm fil-jiem li għaddew ġie akkużat kriminalment. Bl-akkużi li għandu quddiemu, Wesolowski jista’ jeħel sa 12-il sena priġunerija.

Il-każ ta’ Wesolowski hu t-tieni wieħed ta’ persuna prominenti fil-Knisja Kattolika li ġiet arrestata, wara l-każ ta’ Paolo Gabriele. Dan tal-aħħar kien ġie arrestat fl-2012 u nstab ħati li seraq u xerred dokumenti privati tal-Papa Emeritus Benedittu XVI. Madankollu, il-każ ta’ Wesolowski hu l-ewwel wieħed dwar abbuż sesswali li mistenni jinstema’ fil-Vatikan.