Lokali

Il-Gvern ma jikkummentax dwar il-ftehim li Malta tingħaqad mal-koalizzjoni kontra l-Istat Iżlamiku

Botta u risposta bejn il-Gvern u l-midja indipendenti dwar jekk Malta ffirmatx ftehim biex tingħaqad mal-koalizzjoni ta’ pajjiżi kontra l-Istat Islamiku.

Kollox beda meta nhar il-Ħadd il-gazzetta The Malta Independent ippubblikat dokument tal-US Department of State li jindika biċ-ċar li pajjiżna huwa wieħed mill-pajjiżi li ffirma dokument ta’ koalizzjoni ta’ pajjiżi kontra l-Istat Islamiku. Id-dokument tal-Istat Amerikan kien ippubblikat fid-19 ta’ Settembru.

Il-gvern għażel li ma jweġibx mistoqsijiet li bagħat il-ġurnal The Malta Independent u kellhom jgħaddu jumejn mill-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument qabel ma l-Gvern jirreaġixxi permezz ta’ stqarrija għall-istampa li fiha ċaħad li Malta ingħaqdet ma’ xi koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti tal-Amerika kontra l-Istat Islamiku.

Fl-istess stqarrija, il-gvern jgħid li Malta tirrikonoxxi li l-Istat Islamiku huwa ta’ theddida mhux biss għall-Iraq, is-Sirja u r-reġjun iżda wkoll għall-Istati Uniti tal-Amerika u għall-Ewropa.

Intant fl-aħħar żvilupp jidher li l-istess dokument tal-US Department of State ma għadux jinkludi isem Malta fost il-lista ta’ pajjiżi li jiffurmaw parti mill-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti tal-Amerika kontra l-Istat Islamiku.

Il-kwistjoni tal-Istat Islamiku ingħata prominenza wkoll fil-ħarġa ta’ Il-Mument tal-Ħadd li għadda fejn tħabbar li teżisti possibbilta’ qawwija li din l-Organizzazzjoni tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u fis-Sirja għandha wkoll, direttament jew indirettament, rappreżentanza u segwaċi fil-gżejjer Maltin. Min-naħa tal-Gvern, din ukoll kienet miċħuda.