Il-Ministru tal-Finanzi qed jippersisti fil-gideb dwar l-impjiegi fis-settur pubbliku fejn daħħal 3,700 fl-ewwel tlettax-il xahar tal-Gvern Laburista, jiġifieri għaxra min-nies kuljum.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn spjega li r-riklassifikazzjoni fiċ-ċifri ta’ 3,050 impjegat saret mill-gvern fil-qasam tal-kostruzzjoni għall-gvern fil-qasam tal-amministrazzjoni. Dan hu kkonfermat fl-istqarrija tal-NSO stess li l-Ministru tal-Finanzi qed jikkwota u li tikkonferma li “3,050 full-time employees formerly part of the Ministry for Resources (MRRA) were transferred to the Ministry of Sustainable Development or the Ministry for Transport.”
Mela r-riklassifikazzjoni ma ċaqalċet xejn minn mal-privat għal mal-gvern imma biss minn mal-gvern għal mal-gvern stess f’setturi differenti tal-gvern, tenna l-Partit Nazzjonalista.
Fl-ewwel tlettax-il xahar tal-Gvern Laburista, irtiraw aktar minn 1,600 persuna minn mal-gvern. Dan hu x’ikkonferma l-Ministru tal-Finanzi stess f’rapport lill-Kummissjoni Ewropea meta qal li minn mal-gvern jirtiraw 1,500 impjegat fis-sena. Fl-istess tlettax-il xahar, l-impjiegi mal-gvern żdiedu b’2,042, kif jirriżulta ċar mill-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għal Marzu 2013 u April 2014.
Mela, l-Gvern irrimpjazza aktar minn 1,600 impjegat pubbliku li rtiraw u żied 2,042, jiġifieri daħħal b’kollox 3,700 ħaddiem fi tlettax-il xahar, jew 10 ħaddiema kuljum.
Hi ħaġa gravi li l-Ministru tal-Finanzi qed jipprova jqarraq bil-media kif għamel f’laqgħa pubblika meta waħħal fir-riklassifikazzjoni għaż-żieda qawwija fl-impjiegi mal-gvern. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru tal-Finanzi jaf jaqra l-istatistika u allura, meta ta x’jifhem li r-riklassifikazzjoni kienet bejn il-gvern u l-privat, ma kienx qed jiżbalja imma kien qed jigdeb.
Din hi ħaġa gravi mhux biss għax il-Ministru Edward Scicluna nqabad jigdeb u qed jippersisti fil-gideb imma wkoll għax dan ipoġġi f’dubju kull ħaġa li jgħid il-Gvern fuq l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>