Lokali Unjoni Ewropea

In-nomina ta’ Karmenu Vella approvata mill-istadju tal-Kumitati

Il-Kummissarju Ewropew nominat mill-Gvern Malti Karmenu Vella ġie approvat mill-istadju tal-Kumitati, immexxi miċ-Chairpersons tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew, li jsegwu s-setturi li se jaqgħu fil-portafoll ta’ Karmenu Vella: tal-Ambjent, kif ukoll tal-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Iċ-Chairpersons tal-Kumitati rispettivi ltaqgħu tard ilbieraħ filgħaxija, fi tmiem is-smigħ ta’ Vella, u wara ġabbru il-kummenti tagħhom f’ittra waħda indirizzata lill-President tal-Presidenti tal-Kumitati Jezy Buzek.

Dan ifisser l-ebda grupp ma hu kuntent 100% bil-wirja tal-Kummissarju Ewropew nominat minn Malta għax kien ġeneriku u vag wisq dwar il-politika tal-Ambjent. Filwaqt li l-Kordinatur tal-Kumitat Partit Popolari Ewropew (PPE) qal li jemmen li jista’ jaħdem ma’ Vella għax jifhem il-bżonnijiet tan-negozji żgħar u medji, il-Kordinatur tal-kumitat tal-Komunisti qal li l-wirja ta’ Vella fuq is-Sajd m’għoġbitux. Tal-istess opinjoni kien il-Kordinatur tal-kumitat tal-Ħodor, li qal li m’għoġbitux ukoll il-wirja ta’ Karmenu Vella fuq l-Ambjent.

Madankollu, il-Ħodor u l-Komunisti ma talbux vot fil-Kumitati, kif setgħu jagħmlu, probabilment għax kienu jafu li l-vot ma setgħux jirbħuh. Għadu mhux ċar x’se jkun il-vot tal-Ħodor dwar il-Kummissjoni, iżda hu mifhum li dawn se jivvutaw kontra l-Kummissjoni-Juncker fil-vot li se jsir fil-Plenarja fit-22 ta’ Ottubru. Il-gruppi politiċi tal-PPE u tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew diġà qalu li se jappoġġjaw in-nomina ta’ Karmenu Vella, filwaqt li l-Ħodor kienu kritiċi. Il-ħidma flimkien bejn il-PPE u s-Soċjalisti hi meqjusa bħala importanti, speċjalment minħabba ż-żieda fl-appoġġ għall-ewro-xettiċi.

Għaldaqstant, biex tinstab maġġoranza, hu meħtieġ li l-PPE u s-Soċjalisti jaħdmu flimkien, bit-tama ta’ maġġoranza aktar b’saħħitha jekk jingħaqdu magħhom il-Liberali.