Attentat li jinħeba telf ta’ €224,250 f’investiment mhux awtoriżżat wassal biex id-Direttur tal-kumpanija Maltese Cross Financial Services Limited ikompli jieħu sehem f’investimenti illeċiti li wasslu biex is-somma ta’ €6 miljun tal-klijenti tiegħu ntilfu.
Id-Direttur Maniġerjali tal-Maltese Cross Financial Services Ltd, Jean Claud Bugeja, qed iwieġeb mhux ħati ta’ miżappropjazzjoni ta’ aktar minn €4 miljun, kif ukoll ħasil ta’ flus. Fil-bidu tal-kumpilazzjoni f’dan il-każ xehed biss l-Ispettur Ian Abdilla, li ffoka ħafna fuq in-numru ta’ stqarrijiet li għamel Bugeja waqt li kien qed jiġi nterrogat mill-Pulizija.
Il-kumpanija kienet bdiet bħala Island Financial Services Ltd meta Bugeja kien daħal jaħdem hemm bħala konsulent finanzjarju fl-2004. Wara huwa kien offrut l-opportunita’ biex jixtri 32% tal-ishma u kien ġie elevat għall-grad ta’ Direttur Maniġerjali, u l-uniku Direttur involut għat-tmexxija tal-kumpanija fuq bażi “full-time”, kumpanija li ma kellha l-ebda mpjegati jaħdmu magħha sal-2008 u ħaddiem wieħed biss wara.
L-affarijiet bdew sejrin lura f’Marzu tal- 2008, meta Bugeja fittex li jinvesti fil-fond BNP Paribas li ħtieġlu nvestiment minimu ta’ miljun ewro. Il-kumpanija irnexxielha biss tiġbor is-somma ta’ €700,000 mill-klijenti tagħha, u Bugeja iddeċieda li juża’ €300,000 f’assi ta’ klijenti – mingħajr ebda awtoriżazzjoni u mingħajr ma nforma lil ħadd, u dan biex ikopri l-investiment.
Il-fond kien mar tajjeb, u t-€300,000 ta’ investment mhux awtoriżżat inbiegħ fi ftit ġimgħat u għamel profitt ta’ €8,730. Madankollu d-deċiżjoni tiegħu li jinvesti ġewwa fond ieħor tal-“BNP Paribas fund”, li ħare; f’Mejju tal-2008, ma tantx awgura tajjeb. Il-klijenti offrew biss €300,000 din id-darba, u Bugeja iddeċieda li jżid magħhom €700,000 fi tranżazzjonijiet oħra mhux awtorizzati.
Din id-darba iżda, l-valur tal-fond niżel, u meta dan kien inbiegħ f’Lulju, Bugeja tilef €224,250. Biex jipprova jirkupra il-fondi mitlufin, Bugeja iddeċieda li jidħol f’aktar investimenti mhux awtorizzati, iżda dawn spiċċaw tefgħu lill-kumpanija fi kriżi finanzjarja, bit-telf ilaħħaq kważi miljun ewro sa l-aħħar tal-2008.
Is-sitwazzjoni kompliet tmur lura fis-snin ta’ wara u meta Bugeja kien ingħata l-opportunita’ li jixtri l-kumpanija fl- 2011, huwa aċċetta, fejn qal lill-Pulizija, li huw akien kostrett jagħmel dan biex ħadd ma jinduna x’kien qiegħed għaddej.
Madankollu huwa kien irnexxielu biss jiġbor fondi li jlaħħqu 85 fil-mija tal-kumpanija, martu kisbet ħamsa fil-mija, u tnejn oħra, Robert Cutajar u Stephen Spiteri – ukoll daħlu għal ħamsa fil-mija, u issa saru Direturi tal-kumpanija.
It-telf kompla jikber, iżda, u f’Awwissu li għadda Bugeja sa fl-aħħar informa lid-Diretturi l-oħra li filwaqt li l-kumpanija suppost kellha f’idejha €6.7 miljun, li kienu tal-klijenti, kien hemm €6.2 miljun li ma kienux baqgħu jidhru.
Iż-żewġ Diretturi kif ħadu din l-aħbar infurmaw lill-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u anke lill-Pulizija. L-Ispettur Abdilla staqsa kif ħadd ma nduna b’dak kollu li kien qed isir.
Wara kien infurmat u ġie żvelat li l-kumpanija kienet qed tuża sistema ta’ kompjuter iddinjat skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ Bugeja stess, li għamilha faċli għalih li jieħu fondi mhux awtorizati. Biex jonora l-obbligazzjonijiet tal-klijenti tiegħu, huwa ħalla nota fuq kemm kellhom idaħħlu u jħallsu fuq investimenti, u għalhekk kien qed iwettaq miżappropjazzjoni ta’ fondi ta’ klijenti oħra.
Bugeja qal ukoll li MFSA ma kienitx għamlet spezzjonijiet fuq il-kumpanija sa mill-2008, u hekk kif l-awdituri tal-kumpanija kienu nfurmatu bis-sitwazzjoni attawali tal-kumpanija, huma ma kienx jaf u ħasbu li s-sitwazzjoni qatt ma setgħet tkun aħjar.
Bugeja qal lill-Pulizija li huwa ma miżapproprijax fondi għal gwadan personali tiegħu, anke jekk qal li ġibed €65,000 għal investiment f’ismu. Madankollu qal li f’dan il-każ, l-għan tiegħu dejjem kien li jbiddel il-fortuna tal-kumpanija.
Bugeja qal, skont l-Ispettur Abdilla, li ħadd mid-Diretturi tal-kumpanija ma kien jaf x’qed jiġri, u lanqas il-familja tiegħu ma kienet taf. Huwa qal li anke kien spiċċa juża fondi li kienu poġġew martu u l-ġenituri tiegħu li kienu nvestew fil-kumpanija.
Waqt ix-xhieda tiegħu l-Ispettur Abdilla qal li Bugeja ikkopera ħafna mal-Pulizija, u rrimarka li sabha daqsxejn stramba li kien jarah ftit li xejn inkwetat dwar is-sitwazzjoni. Madankollu qal li dan l-aħħar Bugeja kien qallu li fis-snin li għaddew għalih kienu qieshom sentenza ta’ ħabs, peress li ma setax jorqod jew igawdi l-ħajja mal-familja.
Il-kumpilazzjoni tkompli fl-14 ta’ Ottubru li ġej.
//= $special ?>

