L-ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola kellha kliem ta’ tifħir għal prestazzjoni ta’ Dimitris Avrampoulos, li ġie magħżul minn Jean-Claude Juncker biex jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Affarijiet Interni.
Fi kliem Metsola, Avramopoulos jidher li se jkun qed immexxi l-portafoll fdat lilu b’kunfidenza. Fis-smiegħ tiegħu lbieraħ, Avramopoulos ħeġġeġ lil istati membri biex ma jibżgħux mill-immigrazzjoni, filwaqt li qal li se jixpruna l-immigrazzjoni legali billi jiddentifika l-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea.
Hu ppropona wkoll li hemm bżonn ta’ xi bidliet fir-Regolamenti ta’ Dublin, biex il-qafas legali tal-immigrazzjoni jirrispettaw iktar id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjita’ umana. Hu kkundanna b’mod kategoriku kull politika li twassal biex ir-refuġjati jintbagħtu lura f’pajjiżhom.
L-istqarrija konġunta minn Roberta Metsola u Monika Hohlmeier, membri tal-Partit Popolari Ewropew fi ħdan il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, jissemma’ kif Avramopoulos hu mistenni li joħloq strateġija komprensiva dwar l-immigrazzjoni, li tinkludi implimentazzjoni tar-regoli li diġa’ jeżistu, filwaqt li tipprovdi l-entitajiet kollha involuti bir-riżorsi kollha meħtieġa.
Metsola qalet li hi qed tistenna sens ta’ urġenza min-naħa ta’ dan il-Kummissarju biex jaħdem għal distribuzzjoni iktar ġust tal-piż tal-immigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea. S’issa għadu ma sarx biżżejjed, spjegat Metsola, u hemm bżonn li l-Kummissarju Ewropew ġdid jħares b’iktar attenzjoni għal mod kif qed isiru l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran.
//= $special ?>