Qorti

Priġunier Libjan ikkundannat ħames snin ħabs wara li ħaraq ċella u pprova jaħraq oħra

Faiz Omar Elasallak, Libjan ta’ 45 sena, ġie kkundannat ħames snin ħabs mill-Maġistrat Neville Camilleri wara li nstab ħati li għall-ħabta tas-6pm tal-4 ta’ Marzu 2012 u fil-ħinijiet ta’ wara, waqt li kien f’Diviżjoni 6 tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ta n-nar liċ-ċella tiegħu u ħaraq is-saqqu. Hu nstab ħati wkoll li tlett ijiem wara pprova jagħti n-nar lil ċella oħra li tinsab f’Diviżjoni 13 b’biċċa karta.

Elasallak kien intbagħat f’Diviżjoni 6 minħabba li kien nstab li kellu sustanza, li finalment irriżulta li ma kienet droga xejn, iżda xi ħaġa li kellha x’taqsam mad-dentatura. Il-Libjan instab ħati wkoll li għamel ħsara fiċ-ċelel, li rreżista bi vjolenza fil-konfront tal-Gwardjani Kevin Cauchi, Carmel Cachia, Raymond Cutajar, Victor Galea u Stephen Camilleri, li nġurja lill-istess persuni u li kkaġuna feriti ħfief fuq Kevin Cauchi.

Hu nstab ħati wkoll li fixkel lill-Gwardjani u Uffiċjali tal-Ħabs fil-qadi ta’ dmirijiethom, li għamel ħsara fuq propjetà għad-dannu tal-Gvern Malti u li sar reċidiv. Fix-xhieda, l-Ispettur Spiridione Zammit qal li fl-4 ta’ Marzu 2012 il-Pulizija mill-Għassa ta’ Raħal Ġdid kienu ġew infurmati li l-Libjan kien instab b’pusses ta’ xi sustanza f’tazza fiċ-ċella tiegħu u wara ħaraq iċ-ċella tiegħu stess.

L-Ispettur Zammit qal ukoll li fis-7 ta’ Marzu, Elasallak kellu argument ma’ żewġ priġunieri oħrajn u żewġ Gwardjani u wara li ttieħed fiċ-ċella beda ħiereġ id-duħħan minnha. Il-Gwardjan John Cauchi qal li jiftakar li kien daqq l-alarm u meta mar ħdejn il-Libjan, skopra li dan kellu xi jgħid ma’ priġunieri oħrajn. Qal li l-Libjan kien agressiv tant li ħataf il-pyrene mingħand Maġġur u wara ħatfu mill-flokk.

Mill-provi rriżulta wkoll li kien sar ħafna storbju fiż-żewġ okkażjonijiet. Fil-każ, xehed ukoll it-Tabib Joseph Spiteri, li qal li Elasallak għamel żmien twil taħt il-kura tiegħu u kien rikoverat l-Isptar Monte Carmeli. Fil-jum tal-ewwel inċident, kien daħal fit-Taqsima Forensika tal-Isptar u kien intbagħat lura l-Ħabs fis-6 ta’ Marzu. Qal li meta Elasallak kien infurmat li mhux se jibqa’ fiċ-ċella tiegħu, qabdu “stress” u weġġa’ wkoll lilu nnifsu.

It-Tabib qal li l-Libjan kellu kundizzjoni meqjusa bħala reazzjoni akuta għall-istress u kien inżamm taħt osservazzjoni. Il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom li ma nstabet l-ebda droga fil-konfront tal-Libjan u li l-akkużi kważi kollha kienu ppruvati. Qabel ma tat is-sentenza, il-Qorti qalet li kienet qed tagħmel rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex il-Libjan jingħata l-għajnuna kollha neċessarja dwar saħħtu li għandu bżonn.

Il-Qorti rabtet ukoll lill-ħati b’garanzija personali ta’ €1,000 għal żmien sena fil-konfront tal-Gwardjani Cauchi, Cachia, Cutajar, Galea u Camilleri. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Spiridione Zammit u Jurgen Vella.