Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fis-sigħat li għaddew kien mistieden mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Amerikan biex tkun diskussa l-politika tal-Istati Uniti li hi ta’ relevanza għal pajjiżna. Il-laqgħa kienet parti mill-impenji li l-Kap tal-PN kellu llum waqt iż-żjara fl-Istati Uniti.
Fost kwistjonijiet oħrajn diskussi fil-laqgħa, kien hemm in-numru ta’ refuġjati li l-Istati Uniti tieħu minn Malta. Hu wassal l-apprezzament tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista għal dan il-ġest min-naħa tal-Istati Uniti.
Simon Busuttil kellu wkoll laqgħat oħrajn interessanti, fosthom dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, li hi ta’ inkwiet iżda dwarha qed tittieħed azzjoni. Kellu laqgħat ukoll dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja, kif ukoll dwar il-militanti Iżlamiċi estremisti, li qed ikunu ta’ tħassib u theddid fuq livell internazzjonali.
Waqt iż-żjara fi New York, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iltaqa’ wkoll mal-eks Chairman tal-istock market NASDAQ fi New York Frank G Zarb. Għal dawn l-aħħar 40 sena, Frank Zarb, li hu ta’ dixxendenza Maltija, kellu responsabbiltajiet prominenti fis-settur finanzjarju fl-Istati Uniti. F’bosta okkażjonijiet, kien ukoll membru ta’ Gvernijiet immexxija mill-Partit Repubblikan.
Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni ddiskuta ma’ Zarb is-sitwazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta, kif ukoll l-iżviluppi fl-Unjoni Ewropea lejn Unjoni Bankarja. Simon Busuttil spjega kif is-settur f’Malta sar kolonna importanti tal-ekonomija Maltija u qed jiġbed interess anke mill-Istati Uniti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab fl-Istati Uniti fuq stedina tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan u kellu laqgħat mal-amministrazzjoni Amerikana f’Washington u fi New York. Hu mistenni lura Malta l-Ħamis li ġej.
//= $special ?>