L-UKRAJNA: Bomba qatlet erba’ persuni fi skola fl-ewwel jum tal-iskola f’Donetsk, il-belt fil-Lvant tal-Ukrajna mmexxija mir-ribelli favur l-unjoni mar-Russja. Sitt persuni oħra nqatlu meta l-minibus li kienu fuqha ntlaqtet minn bomba f’parti minn Donetsk.
Ħadd mit-tfal ma weġġa’ meta l-bitħa tal-iskola kienet attakkata, iżda għalliem tal-bijoloġija u ġenitur kienu fost il-mejtin.
L-iskola tinsab erba’ kilometri ’l bogħod mill-ajruport ta’ Donetsk, fejn ir-ribelli tqabdu ma’ suldati Ukreni.
Ftehim fjakk għal waqfien mill-ġlied ilu fis-seħħ fil-Lvant tal-Ukrajna mill-5 ta’ Settembru iżda dan il-ftehim ġieli nkiser minn ħin għal ieħor. Iż-żewġ naħat waħħlu f’xulxin għall-attakki li saru lbieraħ.
L-amministrazzjoni reġjonali kkontrollata minn Kiev qalet li r-ribelli mir-Repubblika Popolari ta’ Donetsk (DPR) fetħu n-nar b’sistema sofistikata ta’ rockets.
Iżda Andrei Purgin, id-deputat mexxej tad-DPR, qal lill-istazzjon televiżiv Russu li rockets Ukreni kellhom fil-mira tagħhom zoni residenzjali minn 40 kilometru ’l bogħod.
Ribelli favur l-unjoni mar-Russja jikkontrollaw il-biċċa l-kbira ta’ Donetsk u għamlu diversi attentati biex jaħtfu l-ajruport fil-Majjistral tal-belt fl-aħħar ġimgħat.
Il-kunflitt beda fil-Lvant f’April, meta r-Russja għaqqdet lill-Krimea magħha mill-Ukrajna u ribelli favur l-unjoni mar-Russja mbagħad iddikjaraw l-indipendenza fiż-żewġ reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk.
//= $special ?>

