Għal darb’oħra, il-Ministru Evarist Bartolo reġa’ għażel li ma jerfax ir-responsabbiltà politika ta’ deċiżjonijiet mgħaġġla li qed jieħu f’settur daqstant sensittiv bħall-edukazzjoni. Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar, il-Partit Nazzjonalista qal li issa saret drawwa li l-Ministru jara kif iwaħħal f’ħaddieħor għall-iżbalji tad-deċiżjonijiet politiċi li jkunu ttieħdu minnu u mill-Gvern Laburista.
Ir-rapport ippubblikat dwar il-ftuħ ta’ SkolaSajf f’Lulju li għadda juri kif il-Ministru Bartolo u l-Gvern Laburista ħadu deċiżjoni mgħaġġla u tard wisq biex il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u d-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi jkunu jistgħu jimplementawha qabel il-ftuħ ta’ SkolaSajf. Il-Bord ta’ Inkjesta, imwaqqaf mill-istess Ministru Bartolo, naqas milli jagħmel skrutinju tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Ministru f’dan il-każ.
Il-PN qal li hi t-tradizzjoni tal-Ministru Bartolo li jwaqqaf bordijiet minħabba nuqqas ta’ ħsieb mill-Gvern biex jipprova jgħatti l-iżbalji politiċi li jkun ħa l-Gvern stess b’nuqqas ta’ ppjanar u nuqqas ta’ tmexxija serja. Ir-rapport jindika wkoll li Evarist Bartolo għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika dwar il-ħatriet li għamel fil-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Il-PN sostna li din diġà hi t-tieni darba fejn Evarist Bartolo farfar ir-responsabbiltà politika tiegħu fuq ħaddieħor wara l-każ marbut mad-deċiżjoni li jitwaqqaf l-istipendju lil xi studenti. Ikun aktar għaqli għal Evarist Bartolo li jagħraf jerfa’ r-responsabbiltà politika u jkun serju fid-direzzjoni politika li jagħti. Jekk irid jagħti eżempju ta’ gvernar serju, il-Ministru Bartolo għandu jibda’ billi jerfa’ r-responsabbiltà politika li tant tkellem dwarha qabel l-elezzjoni, temmet tgħid l-istqarrija.
U fi stqarrija separata, il-Union tal-Għalliema (MUT) qalet li r-rapport dwar il-kwistjoni ta’ SkolaSajf jikkonferma dak li l-MUT kienet ilha tgħid minn ferm qabel. L-MUT qalet li kienet f’kuntatt kontinwu ma’ Kapijiet tal-Iskola u Kordinaturi u kemm-il darba semmiet is-sitwazzjoni ta’ ċentri b’nuqqas ta’ staff. Fakkret li kient għamlet referenza wkoll għar-reazzjonijiet arroganti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi għal talbijiet għal aktar staff, kif ukoll nuqqas ta’ miżuri biex jinstabu sostituti għal għalliema li kienu qed jattendu in-service courses u d-dħul ta’ staff mhux kwalifikat biex jgħallem.
//= $special ?>

