Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni f’laqgħat mal-IOM u l-UNDP

Fi tmiem iż-żjara tiegħu fi New York, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum kellu laqgħat importanti mal-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar il-Migrazzjoni (IOM) u mal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp (UNDP). Il-laqgħat kienu parti minn sensiela ta’ laqgħat li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu dwar il-qasam tal-immigrazzjoni f’Malta.

Matul il-laqgħat mal-IOM, Simon Busuttil tkellem fid-dettall dwar il-proġett li permezz tiegħu l-Istati Uniti qed tieħu madwar 500 immigrant minn Malta biex tgħin lil pajjiżna jtaffi l-piż tal-immigrazzjoni. B’kollox, l-Istati Uniti s’issa ħadet madwar 2,000 refuġjat li waslu Malta. Kull sena, l-Istati Uniti tieħu madwar 70,000 refuġjat minn pajjiżi differenti minn madwar id-dinja.

Fil-laqgħat tiegħu, Simon Busuttil appella lill-IOM biex tkompli tappoġġja lill-Istati Uniti fit-trasferiment ta’ refuġjati minn Malta. Appella wkoll lill-IOM biex tagħti l-istess tip ta’ appoġġ lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħalli huma wkoll ikunu jistgħu jgħinu f’dan il-proġett.

Mal-Uffiċjali tal-UNDP, Simon Busuttil iddiskuta s-sitwazzjoni attwali fil-Libja, kif ukoll fis-Sirja u fl-Iraq. Hu tenna l-appoġġ tal-PN għall-isforzi internazzjonali li qed isiru biex jitrażżan il-grupp ta’ estremisti iżlamiċi tal-ISIS.