Lokali

Aġġornata: Il-Gvern ma jagħtix dettalji dwar fiex wasal il-bini tal-Parlament il-ġdid

Il-Gvern naqas illi jagħti spejgazzjoni kif wiegħed il-Ministru Joe Mizzi aktar kmieni fi stqarrija li ħareġ u li fiha wiegħed li se jingħataw lill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra id-dettalji dwar fiex waslu ix-xogħolijiet marbuta mal-bini tal-Parlament il-ġdid, liema bini ġdid mhux se jiġi inawgurat fit-12 t’Ottubru kif kien imħabbar diġa’.

Il-Ministru Joe Mizzi naqas li jew jattendi hu jew jibgħat lil xi uffiċjal tal-Ministeru tiegħu biex jagħti spjegazzjoni lill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra dwar ir-raġunijiet li wasslu biex id-data ta’ meta jinfetaħ il-Parlament il-ġdid ma tintlaħaqx.

L-Oppożizzjoni immexxija mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u l-whip tal-grupp tal-Oppożizzjoni David Agius, insistew li l-Gvern kellu jżomm mal-istqarrija li ħareġ ftit siegħat qabel u li fiha ħabbar il-multi li l-kuntratturi wara li ma ntlaħqux il-miri stabbiliti.

Se jkun issa, fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, fit-13 t’Ottubru li rappreżentanti tal-Ministru Joe Mizzi jagħtu d-dettalji dwar fiex waslu x-xogħolijiet fil-binja l-ġdida tal-Parlament.

L-Ispeaker qal li x-xogħolijiet jirriżulta li għadhom lura u li żgur mhux se jkun fil-qrib li jsir it-trasferiment lejn il-bini l-ġdid tal-Parlament. Hu semma li dan żgur mhux se jseħħ sa’ Diċembru li ġej.