HONG KONG: Il-mexxej ta’ Hong Kong talab lid-dimostranti favur id-demokrazija, li blukkaw diversi toroq prinċipali fil-belt, biex jirritornaw id-dar. Iżda dawk l-organizzaturi tal-protesti rrispondew bi sfida u qed jheddu li jespandu l-protesti u jokkupaw aktar binjiet tal-gvern.
Fl-ewwel kummenti tiegħu fil-pubbliku mindu l-pulizija ta’ Hong Kong użaw il-gass tad-dmugħ kontra d-dimostranti nhar il-Ħadd, Leung Chun-ying, il-kap eżekuttiv, magħżul minn Beijing, tat-territorju semiawtonomu Ċiniż, talab lil wieħed miż-żewġ gruppi prinċipali li qed jorganizzaw il-protesti – Occupy Central With Love u Peace – biex itemm id-dimostrazzjonijiet.
Il-mexxej ta’ Hong Kong ma wera ebda sinjal li hu kien ippreparat biex jiltaqa’ mal-organizzaturi tal-protesti jew jilħaq xi kompromess fuq it-talbiet tagħhom biex isiru elezzjonijiet ħielsa ħalli jintgħażel is-suċċessur tiegħu.
Il-folol barra l-kwartieri tal-gvern lokali qed jikbru dejjem iżjed hekk kif nies ta’ kull età ngħaqdu u żdiedu mad-dimostranti fil-Jum Nazzjonali taċ-Cina li tfakkar proprju lbieraħ, u llum li hi vaganza. Mumenti ta’ riflessjoni li ġew osservati lbieraħ ipproċedew relattivament b’mod normali, minkejja l-għajjat tad-dimostranti li sejħu għar-riżenja ta’ Leung.
Wara li l-mexxej ta’ Hong Kong talab biex il-protesti jieqfu immedjatament, Alex Chow, is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Istudenti ta’ Hong Kong, qal li “r-residenti jistgħu jokkupaw diversi dipartimenti tal-gvern sakemm il-gvern jirrispondi għat-talbiet tad-dimostranti sal-lum.”
Sadattant, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà maz-żgħażagħ ta’ Hong Kong li, minkejja l-gass tad-dmugħ u s-swat mill-pulizija, qed jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tal-Gvern Ċiniz li jkun hu li jiddeċiedi min jista’ jikkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tar-reġjun minkejja l-wegħdi ta’ awtonomija u ta’ demokrazija. Dawn iż-żgħażagħ qed jiġġieldu għad-demokrazija b’kuraġġ, u qed jaraw li jkunu huma li jwasslu għal bidla għall-aħjar.
L-MŻPN jesprimi l-appoġġ tiegħu lejn dawn iż-żgħażagħ, u jappella biex il-Gvern u l-Oppożizzjoni jieħdu pożizzjoni komuni u jikkundannaw b’mod ċar l-istil antidemokratiku u vjolenti li bih qed jimxi l-Gvern Ċiniż li qed ifakkar lil ħafna fil-mod kif ġew trattati ż-żgħażagħ fil-massakru ta’ Tiananmen fl-1989.
//= $special ?>