Illum id-dinja tfakkar Jum l-Anzjani. Biex ifakkar dan il-jum, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ħareġ statistika interessanti dwar l-anzjani f’Malta. Minn din l-istatistika rriżulta li matul l-2013, kważi kwart tal-popolazzjoni Maltija kienet anzjana u madwar 55% tal-anzjani Maltin huma nisa. Minkejja l-età taghhom, l-anzjani għadhom ifittxu l-imhabba, tant li fl-2013 kien hemm 73 għarus u 32 għarusa, ta’ aktar minn 60 sena, li ngħaqdu fiż-żwieġ. 18% minn dawn iżżewġu għall-ewwel darba, filwaqt li 58% kienu ddivorzjati.
L-istatistika turi wkoll li l-anzjani qed ifittxu wkoll li jkomplu għaddejjin bl-impjieg tagħhom, tant li l-aħħar Labour Force Survey juri żieda fil-parteċipazzjoni tal-anzjani fid-dinja tax-xogħol minn 4.7% għal 8.8%. Anke fl-istudju, jirriżulta li fis-sena akkademika 2013-2014 kien hemm 54 anzjan u anzjana li qed jistudjaw għal Degree fl-Università.
Min-naħa l-oħra, l-istatistika qed turi wkoll li persuni li għandhom aktar minn 59 sena għandhom rata ta’ kważi 22% ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, b’aktar minn nofshom ma jaffordjawx imorru vaganza ta’ ġimgħa ‘l bogħod minn pajjiżna. Filwaqt li ftit aktar minn 21% ma jistgħux jaffordjaw spiża mhux mistennija ta’ aktar minn €450, aktar minn 23% qalu li ma jistgħux iżommu darhom sħuna fix-xhur kesħin tax-Xitwa.
Post l-anzjani hu fil-qalba tas-soċjetà – il-PN
Fl-okkażjoni ta’ Jum Internazzjonali ddedikat għall-Anzjani, minbarra li sellem lill-anzjani kollha Maltin u Għawdxin, il-Partit Nazzjonalista qed jieħu wkoll l-opportunità biex japprezza dak li għamlu u qed jagħmlu l-anzjani, li l-popolazzjoni tagħhom, bħal fil-kumplament tal-Ewropa, qegħda dejjem tiżdied.
Il-kunċett ta’ anzjanità attiva minn dejjem kien għal qalb il-PN, tant li Gvernijiet immexxija mill-PN infetħu numru ta’ Djar tal-Anzjani ġodda, b’mod speċjali fl-irħula u l-ibliet u li joffru kura speċjalizzata. Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani Mario Galea, il-PN fakkar ukoll li nfetħu diversi Ċentri għal Matul il-Jum, Night Shelters u anke ġew introdotti numru ta’ servizzi ġodda mmirati għal dawk l-anzjani li jgħixu fil-komunità.
Kif wettaq fil-prattika, il-PN jemmen li l-anzjani għandhom jingħataw l-opportunità li jibqgħu jaħdmu anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar minħabba li l-anzjani mhux biss diġà taw ħafna lill-pajjiż, iżda għax fadlilhom kontribut importanti x’jagħtu. Il-PN faħħar ukoll il-fatt li numru ta’ anzjani għadhom jagħmlu ħidma volontarja fuq livell lokali, b’mod speċjali fil-Parroċċi, fl-għaqdiet soċjali, f’każini, f’għaqdiet tal-baned, politiċi u oħrajn sportivi, kif ukoll fil-Kunsilli Lokali.
Ħafna mill-anzjani jridu jiġu rikonoxxuti wkoll għall-ħidma li jwettqu fil-familji rispettivi tagħhom għax jagħżlu li jgħinu lil uliedhom fit-trobbija tan-neputijiet biex ikunu jistgħu jkomplu bil-karrieri tagħhom. Ta’ dan kollu, l-anzjani u n-nanniet ħaqqhom kull tifħir u rispett, b’mod speċjali minħabba l-fatt li dak li jagħmlu l-anzjani, jagħmluh fis-skiet u bla daqq tat-trombi, sostna l-PN.
Il-PN irringrazzja wkoll lil dawk li jwettqu xogħol, uħud minnhom anke b’mod volontarju, mal-anzjani kemm fid-djar residenzjali kif ukoll fid-djar privati.
//= $special ?>