IL-KOREA TA’ FUQ: Kim Jong-un, id-dittatur tal-Korea ta’ Fuq, tant ħxien mindu kiseb il-poter f’idejh, li kiser l-għekiesi minħabba l-piż żejjed tiegħu.
Il-mexxej Komunista, ta’ 31 sena, kellu jiġi operat wara li għamel sforz kbir fuq l-għekiesi matul żjarat uffiċjali f’diversi postijiet madwar il-pajjiż.
Skont sors fi Pyongyang li kellem lill-gazzetta ‘Chosun Ilbo’, ippubblikata fil-Korea t’Isfel, il-kura tad-dittatur hi assoċjata man-nuqqas mhux mistenni tiegħu fl-aħħar sessjoni tal-Assemblea Suprema Popolari.
Kuntrarju għal membri oħrajn fl-ogħla tmexxija politika tal-Korea ta’ Fuq, li n-nuqqas tagħhom mill-ħajja pubblika xi kultant tfisser li jew inqatlu jew spiċċaw il-ħabs, fil-każ ta’ Kim Jong-un, qed jingħad li n-nuqqas tad-dittatur seħħ b’riżultat tad-dieta ħażina ħafna li qed jadotta.
Hu maħsub li Kim Jong-un issa jiżen 127 kilogramma b’riżultat tax-xorb eċċessiv tiegħu u għax jiekol il-ġobon Żvizzeru – drawwa li kien ħa waqt li kien qed jistudju fl-Iżvizzera.
Il-ksur fl-għekiesi rriżulta minħabba żjara twila f’bażijiet militari u fabbriki waqt li libes żarbun bi tkaken Kubani, li żiedu t-tul tiegħu ta’ ħames piedi u disa’ pulzieri iżda li ssaportiehom wisq.
Id-dittatur kien qed ibati minn uġigħ f’saqajh li mbagħad iggrava għax mexa aktar, b’riżultat li ġarrab il-ksur.
Numru ta’ bodyguards intbagħtu madwar is-sala fl-isptar ta’ Pyongyang fejn qed jingħata l-kura. Hemm ukoll spekulazzjoni li tim ta’ tobba privati Ewropej marru fil-Korea ta’ Fuq biex jikkurawh.
In-nuqqas tiegħu mill-assemblea kien segwit b’filmati mit-televiżjoni tal-istat li, mhux biss urew lil Kim izappap, iżda ntqal ukoll li marid.
//= $special ?>