Internazzjonali

L-ebda lok ta’ allarm minħabba l-ewwel każ tal-Ebola

L-ISTATI UNITI: L-awtoritajiet Amerikani qed jinsistu li m’hemm l-ebda lok ta’ allarm wara li kien ikkonfermat li f’Dallas, f’Texas, feġġ l-ewwel każ ta’ persuna li mardet bl-Ebola barra mill-kontinent Afrikan.

Dwar il-każ kien infurmat il-President Amerikan Barack Obama imma l-awtoritajiet Amerikani qed jinsistu li l-possibbiltà li l-marda tinfirex fil-pajjiż huma remoti ħafna.

Il-persuna daħlet fl-Istati Uniti mil-Liberja fl-20 ta’ Settembru u minkejja testijiet li saru qabel ma daħlet fl-Istati Uniti, dawn ma wrew xejn.

Il-marda mbagħad feġġet fiha fl-24 ta’ Settembru.

Diversi esperti fil-qasam mediku ilhom jgħidu li kienet biss kwistjoni ta’ żmien qabel ma jfeġġ każ fl-Istati Uniti.

S’issa l-każi kollha li kien hemm barra mill-Afrika kienu ta’ nies li ttieħdu lejn l-Istati Uniti jew l-Ewropa għall-kura. Dan apparti li kien hemm diversi rapporti ta’ każi madwar id-dinja li wara rriżulta li kienu foloz.

Uffiċjali qalu li l-Ebola ma kinitx kontaġjuża sakemm jiżviluppaw is-sintomi imma minkejja dan, qed isir sforz biex in-nies li ġew f’kuntatt ma’ dan l-individwu jinstabu.

Iżda t-Tabib Thomas R. Frieden, il-kap tal-U.S. Centers for Disease Control and Prevention (CDC), insista li kien fiduċjuż li kienu se jsibu tarf tas-sitwazzjoni.

L-Ebola s’issa nfirxet b’rata allarmanti fil-Guinea, Sierra Leone, il-Liberja u n-Niġerja fejn il-vittmi issa qabżu t-3,000 persuna.