Edukazzjoni Lokali

L-istudenti tal-ICT fl-MCAST mitluba jieħdu l-laptop magħhom għal-lezzjonijiet

Hekk kif illum qed tiftaħ sena akkademika ġdida, il-ftuħ ta’ sena ġdida għall-istudenti li jattendu l-Istitut tal-ICT fl-MCAST fisser li l-Gvern talabhom jieħdu magħhom laptop, filwaqt li jridu jixtru s-software kollu li jkollhom bżonn għal-lezzjonijiet. Il-ġurnal In-Nazzjon illum spjega li għall-istudenti dan il-messaġġ kien jistona għall-aħħar, speċjalment għax dawn kienu qed jistennew li mhux biss isibu klassijiet rinnovati kif suppost, iżda wkoll għamara adegwata bil-kompjuters fuq l-imwejjed lesti għal-lezzjonijiet.

Madankollu, minn dan kollu ma sabu xejn. Minbarra binja fi stat ta’ kostruzzjoni bi scaffolding armat f’parti minnha u l-ħaddiema li għadhom għaddejjin bix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq barra, l-istudenti tal-ICT sabu li matul din is-sena skolastika se jkunu mqassmin fi klassijiet ta’ 30 student kull waħda. Din xejn ma kienet aħbar sabiħa għalihom għax sas-sena li għaddiet kull klassi kien ikun fiha bejn 15 u 20 student.

Għaldaqstant, bid-deċiżjoni li ttieħdet għal din is-sena skolastika ġdida, li jidher li hi biex ikunu ffrankati l-flus għax l-MCAST jinsab f’qagħda finanzjarja mwiegħra għall-aħħar, kull klassi se jkun fiha kważi d-doppju ta’ li kien fiha matul is-sena li għaddiet.

Dwar l-aħbar li jridu jkunu l-istudenti li jieħdu magħhom laptop u s-software meħtieġ għal-lezzjonijiet, jidher li dan ġara għax il-kompjuters li kellhom jintużaw mill-Istitut tal-ICT għal xi raġuni għadhom ma waslux. Dan, ikkummentaw xi studenti, meta dan il-Gvern kien jiftaħar ħafna li jipprovdi hu l-kompjuters għat-tagħlim fil-klassijiet. L-istudenti fehmu tajjeb li dan irid ikun laptop speċjalizzat, li jiswa madwar €600, skont il-ħtiġiet tal-kors li qed isegwu.

Uħud mill-istudenti rrimarkaw ma’ In-Nazzjon li mhux kull familja taffordja tixtri laptop bħal dan, aktar u aktar meta dan probabbli se jinxtara għal perjodu temporanju minħabba li eventwalment fl-Istitut tal-ICT jaslu l-kompjuters ordnati. Dawn iċ-ċirkostanzi qed iwasslu l-messaġġ lill-istudenti li fl-ewwel jiem ta’ din is-sena akkademika l-ġdida se jkollhom quddiemhom sena diffiċli ħafna. Kien hemm min ikkummenta ma’ In-Nazzjon li jispera li din mhix il-mira tat-tmexxija tal-MCAST biex hekk, aktar ma jkun hemm studenti li ma jkomplux dan il-kors, aktar jiffranka flus.