Edukazzjoni Lokali

Tiftaħ is-sena akkademika 2014-15

Mijiet ta’ studenti bdew fażi ġdida tal-ħajja tagħhom, hekk kif fetħet is-sena akkademika fl-Università ta’ Malta, l-MCAST, il-Junior College u l-Istitut tal-Istudji Turistici (ITS). Fil-Kampus tal-Università, wieħed seta’ jara numru kbir ta’ studenti ġodda jduru minn stand għall-ieħor imtellgħin mill-għaqdiet studenteski u ta’ kumpaniji, kif ukoll il-binjiet tal-Fakultajiet differenti f’dik li għal numru ta’ snin li ġejjin se tkun it-tieni dar tagħhom.

Fid-diskors tiegħu biex jilqa’ lill-istudenti l-ġodda, ir-Rettur tal-Università Prof Juanito Camilleri fisser it-tema magħżula għal din is-sena akkademika “Ħabrek, Żbalja, Tgħallem, Irnexxi, Ikber, Għix”. Prof Camilleri qal li dawn kollha huma fażijiet li l-istudenti jgħaddu minnhom matul il-kors tal-istudji u tal-ħajja tagħhom. Irrefera wkoll għall-Master Plan tal-Università, li jaħseb għal ħames proġetti kbar fis-snin li ġejjin u li jospitaw diversi Fakultajiet u Istituti kif ukoll kumpless residenzjali.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) Gayle Lynn Callus fakkar kif din is-sena taħbat il-50 anniversarju mit-tqegħid tal-ewwel ġebla fil-Kampus f’Tal-Qroqq, li wassal għall-ftuħ tal-bibien tal-edukazzjoni ogħla f’Malta.

B’kollox, 3,461 student u studenta bdew l-istudji tagħhom fl-Università ta’ Malta biex it-total ta’ studenti fl-Università ta’ Malta għal din is-sena tela’ għal 11,226. 58% tal-istudenti huma tfajliet u nisa u anke 655 student barrani minn 80 pajjiż differenti. L-istudenti qed isegwu 777 kors, li 22 minnhom huma offruti għall-ewwel darba din is-sena.

Sadanittant, 1,321 żagħżugħ u żagħżugħa bdew l-istudji tagħhom fil-Junior College biex in-numru ta’ studenti jistudjaw f’dan il-Kulleġġ hu ta’ ftit anqas minn 2,500.