Il-Jum tal-1 ta’ Ottubru jimmarka wkoll il-ftuħ tas-Sena Forensi fil-Qrati ta’ Malta. Din is-Sena fetħet b’Quddiesa għall-Ġudikatura u l-Avukati fl-Oratorju tal-Konkattidral ta’ San Ġwann, immexxija mill-Isqof Awżiljarju Mons Charles Scicluna.
Fid-diskors tal-ftuħ tas-Sena Forensi, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri għamel aċċenn kbir dwar l-importanza li l-Qorti tingħata aktar attenzjoni min-naħa tal-awtoritajiet. Il-Prim Imħallef kien kritiku wkoll għal uħud mill-membri tal-media f’Malta. Qal li m’hemmx dubju li l-media libera hi element fundamentali f’soċjetà demokratika u għandha rwol importanti anke fl-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Min-naħa l-oħra, element essenzjali ieħor li jassigura proċess xieraq hu dak tal-indipendenza u l-imparzjalita’ tal-Ġudikatura. Sostna li fi żmien riċenti ċertu rappurtaġġ tal-media kien ta’ tħassib kbir. Tenna li f’aktar minn każ il-media wieħed timpenja ruħha f’kampanji preċiżi u intiżi biex jippressaw għal riżultat preċiż fi proċeduri penali pendenti.
Dak li jkun irid iżomm l-ekwilibriju u jkun realistiku, kif ukoll ma jfittix li jitfa’ fuq il-Ġudikatura n-nuqqasijiet kollha tas-sistema tal-Ġustizzja, li ilha s-snin issofri minn nuqqas ta’ risorsi finanzjarji, umani u materjali, kif ukoll id-defiċjenzi li minnhom tbati llum u li ilhom jakkumulaw għal diversi raġunijet fil-kors tas-snin, temm jgħid il-Prim Imħallef Silvio Camilleri.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Avukati Reuben Balzan qal li hemm bżonn jinbidel il-mod kif jintgħażlu l-membri l-ġodda tal-Ġudikatura. Fakkar kif matul il-proċess ta’ konsultazzjoni li saret mill-Kummissjoni għar-Riforma Ħolisitika fil-Qasam tal-Ġustizzja, il-Kamra tal-Avukati kienet esprimiet l-opinjoni tagħha li wasal iż-żmien li l-ħatra ta’ Ġudikant ġdid issir b’mod aktar trasparenti.
Reuben Balzan appella biex kemm jista’ jkun il-Gvern jaġixxi fuq il-parir ta’ Awtorità speċjalizzata biex tagħmel il-proċess tal-għażla, meta jiġi biex jieħu d-deċiżjoni finali.
Filwaqt li qal li jonqos ħafna xi jsir sakemm tissolva l-problema tad-dewmien fil-Qrati, il-President tal-Kamra tal-Avukati rrefera wkoll għall-problema finanzjarja. Qal li ftit ilu l-Ġudikatura ma setgħetx tibgħat membru għal seminar tal-European Network Councils of Judiciciary, tant li spiċċa biex ma attenda ħadd.
Min-naħa l-oħra, qed jintefqu ħafna flus għal Festi Nazzjonali, bil-Ġudikatura baqgħet tintesa.