IS-SIRJA: Kien rappurtat li truppi speċjali Ingliżi u Amerikani jinsabu tul il-front tal-gwerra fis-Sirja kontra l-militanti Iżlamiċi f’Kobane, belt ewlenija Kurda li ilha ġimgħat assedjata.
Jidher ukoll li hemm elementi minn dawn it-truppi speċjali fl-Iraq ukoll. Sorsi qalu li t-truppi speċjali qed iservu aktar ta’ osservaturi fuq il-front tal-gwerra kif ukoll biex iħarrġu lit-truppi Kurdi.
Sorsi fi ħdan il-ġellieda Kurdi qalu li minkejja li dawn mhux qed jipparteċipaw fil-ġlied, kienu ta’ għajnuna kbira.
Sadattant hu mifhum li l-attakki mill-ajru, Ingliżi, ta’ nhar it-Tlieta, kellhom fil-mira z-zona ta’ Rabia fl-Iraq, li hi rotta ewlenija għall-provvisti tal-militanti bejn is-Sirja u l-Iraq.
Sadattant, il-Prim Ministru Iraqi Haider al-Abadi stqarr li kien totalment kontra li pajjiżi Għarab jingħaqdu fl-attakki mill-ajru kontra l-militanti Iżlamiċi f’pajjiżu. F’intervista mal-BBC, hu qal ukoll li l-attakki mill-ajru mill-Punent kienu mlew vojt kbir fil-ġlieda kontra l-militanti Iżlamiċi fl-Iraq. Fost il-pajjiżi li qed jipparteċipaw hemm il-Ġordan, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Ġordan.
//= $special ?>