Lokali

Aġġornata: Żewġ membri tal-FAM arrestati f’Għawdex wara attentat ta’ serqa

Żewġ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, wieħed joqgħod il-Belt Valletta u l-ieħor ix-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar, u li huma stazzjonati f’Malta, fil-lejl li għadda kienu arrestati mill-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali ta’ Għawdex b’rabta ta’ attentat ta’ serqa kbira mill-istabbiliment Bubbles Bathrooms fir-Rabat Għawdex. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li s-sid tal-istabbiliment għalaq il-ħanut fi tmiem il-ġurnata tax-xogħol. Kien f’dan il-ħin li ż-żewġt irġiel daħlu fil-ħanut biex iwettqu s-serqa.

Min-naħa tiegħu, is-sid tal-istabbiliment kellu bżonn jerġa’ jmur fil-post ftit tal-ħin wara t-tmienja ta’ filgħaxija. F’dak il-ħin sab liż-żewġt irġiel jippruvaw jisgassaw is-safe li jinsab fl-ewwwel sular tal-istabbiliment. Kif sabu lis-sid tal-istabbiliment ma’ wiċċhom, l-irġiel ippanikjaw, telgħu fit-tieni sular tal-istabbiliment u qabżu minn tieqa fil-ġenb għal fuq il-bjut tal-ġirien minfejn rikbu karozza li kienet ipparkjata fl-inħawi u ħarbu fid-direzzjoni tal-Imġarr.

Hekk kif is-sid informa lill-Pulizija, dawn bdew tfittxija intensiva għall-irġiel u saħansitra waqqfu l-vapur tal-Gozo Channel li kien se jitlaq lejn Malta. It-tfittxija abbord il-vapur saret minn membri tal-Pulizija u anke mill-Iskwadra tal-Mobile, fejn innutaw karozza tal-lewn abjad li kienet suspettuża. L-irġiel fil-karozza tniżżlu lura l-art u ttieħdu l-Għassa tar-Rabat għal aktar investigazzjonijiet. Minn Malta tela’ wkoll tim tal-Forensika biex jgħin fl-investigazzjonijiet, li jidher li għaddejjin b’ritmu mgħaġġel.

Mhux eskluż li l-irġiel jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin b’rabta mal-każ.

Aktar kmieni …
Żewġ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta stazzjonati f’Malta dan il-lejl kienu arrestati mill-Pulizija ta’ Għawdex b’rabta ta’ attentat ta’ serqa kbira minn stabbiliment fir-Rabat Għawdex.

Nifhmu li kien sid l-istabbiliment stess li sfratta s-serqa meta daħal għall-għarrieda fin-negozju tiegħu u sab liż-żewġ ħallelin iwettqu l-attentat ta’ serqa.

Iż-żewġ ħallelin ħarbu mill-post fid-direzzjoni tal-Imġarr. Il-Pulizija waqqfet il-bastiment li kien se jaqsam lejn Malta u minn tfittxija li saret fuq il-bastiment, twaqqfu żewġt irġiel li kienu f’karozza bajda.