Lokali Parlament

Appell lill-Gvern biex jiddiskuti l-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni b’risq persuni b’diżabbiltà

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tappella lill-Gvern biex jibdew immedjatament it-taħditiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tressqet fil-Parlament f’Mejju li għadda biex titneħħa kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabbiltà. Il-Mozzjoni qed tippreżenta emenda Kostituzzjonali biex ikun assigurat li f’pajjiżna jkollna soċjetà ġusta, b’mod speċjali mal-persuni b’diżabbiltà.

B’dak li qed topproponi l-Oppożizzjoni, il-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għad-drittijiet kollha li huma mniżżla fil-Kostituzzjoni, kif ukoll id-dritt ta’ Rikors fil-Qorti kontra l-Gvern jekk issir xi forma ta’ diskriminazzjoni kontrihom. Skont l-aħħar Ċensiment, 7.2% tal-popolazzjoni huma persuni b’diżabbiltà, bil-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni tkun pass importanti biex il-persuni bi bżonnijiet speċjali jilħqu wkoll il-milja tagħhom fis-soċjetà.

L-emenda għandha twassal għal ħafna bidliet pożittivi għall-ħajja ta’ dawn il-persuni. Jeħtieġ issa l-impenn tal-Gvern, li jressaq l-emenda għad-diskussjoni fil-Parlament biex ikun assigurat li tissaħħaħ l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà fil-komunità u tkun eliminata kull forma ta’ diskriminazzjoni, filwaqt li dawn il-persuni jgawdu minn aċċess ugwali għall-opportunitajiet.