Il-Gvern qed joħloq aktar dipendenzi milli opportunitajiet. Dan sostnieh il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Tonio Fenech waqt konferenza tal-aħbarijiet bir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni għad-Dokument ta’ Qabel il-Budget 2015, li ppubblika l-Gvern. Fil-konferenza tal-aħbarijiet, Tonio Fenech tkellem dwar l-istrategija ekonomika tal-Gvern u qal li d-Dokument ta’ Qabel il-Budget ma fih l-ebda miżura li tindirizza dak li hu meħtieġ biex jiżdiedu l-bejgħ u l-esportazzjoni, filwaqt li jittaffa l-piż fuq in-nefqa pubblika.
Tonio Fenech irrefera wkoll għall-impjiegi mal-Gvern, li żdiedu b’tali mod li kuljum kienu impjegati 10 ħaddiema mas-settur pubbliku. Spjega li filwaqt li hawn min jara dan bħala pożittiv, għax il-ħaddiema jkunu qed isibu fejn jaħdmu, sistema sostenibbli fit-tul għandha tiffoka fuq ħolqien ta’ impjiegi b’pagi tajbin mal-privat. Iż-żieda fl-impjiegi mal-Gvern ifissru żieda fl-infieq pubbliku li titħallas mid-dejn u t-taxxi, sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, li saħaq ukoll kif kieku l-Gvern ma daħhalx daqshekk persuni jaħdmu miegħu, ir-rata tal-qgħad kienet tilħaq ammont ikkunsidrat bħala nkwetanti ta’ 7%.
Tonio Fenech qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni twissi lill-Gvern li t-triq li qabad biex jimbotta l-ekonomija qed twassal biex iżid il-piż fuq il-finanzi pubbliċi, appella wkoll biex il-Gvern jimplimenta strateġija li taċċerta distribuzzjoni ekwa tal-ġid u tkabbir ekonomiku fin-niċeċ u s-setturi ġodda tal-ekonomija.
//= $special ?>